– Claudio Grech, PN
Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech sostna li l-użu tat-teknoloġija irid isir ir-regola mhux l-eċċezzjoni.
Fil-parlament Claudio Grech qal li d-direzzjoni tal-użu tat-teknoloġija hi d-direzzjoni li introduċa l-gvern Nazzjonalista fil-passat tant li Malta kienet l-ewwel post fost il-pajjiżi li kienu qed jintroduċu inizjattivi elettroniċi.
Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar l-aċċessibbiltà u qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni ħoloq kelliem għall-aspett diġitali fejn kien appuntat id-deputat Nazzjonalista Ivan J.Bartolo.
Dan juri l-importanza li l-PN qed jagħti lil dan is-settur iżda l-PL mhux jieħu l-istess pożizzjoni. Propju waqt il-kriżi tal-coronavirus qed ikun konfermat kemm il-politika diġitali hi kruċjali biex il-pajjiż ikun modern u kompetittiv.
Claudio Grech semma’ s-setturi li gvern Nazzjonalista kien ħoloq fosthom dak l-igaming li seta’ jinħoloq biss minħabba li l-pajjiż kellu pjattaforma diġitali. F’dan il-kuntest il-pajjiż għandu jiddiskuti wkoll il-mod kif il-parlament jista’ iktar parteċipattiv permezz tat-teknoloġija. Dan billi anki l-pubbliku jkun jista’ jagħmel mistoqsijiet parlamentari.
Id-deputat Nazzjonalista appella biex is-servizzi amministrattivi kollha jkunu qed jingħataw b’mod diġitali. Hu sostna li l-kumitati tal-parlament għandhom joperaw dejjem b’mod diġitali biex din tkun ir-regola u mhux l-eċċezzjoni.
Claudio Grech qal li l-anzjani huma l-kategorija l-aktar li għandhom diffikultajiet biex jużaw it-teknoloġija fejn ftit inqas minn 40% tal-anzjani qed jużaw l-internet. Hu semma’ l-proposta tal-PN biex l-anzjani jkunu mgħejjuna biex jinstallaw l-apparat tal-internet u biex ikunu mħarrġa jużaw l-apparat.
//= $special ?>