Il-President Amerikan, Donald Trump, beħsiebu jiffirma direttiva eżekuttiva għal sospensjoni temporanja tal-mezzi kollha ta’ immigrazzjoni lejn l-Istati Uniti, minħabba l-pandemija tal-coronavirus.
Hu tkellem dwar ‘attakk minn għadu inviżibbli (il-virus)’ u dwar il-ħtieġa li jipproteġi l-impjiegi tal-Amerikani – mingħajr ma żvela xi dettalji. Intant, dan il-pass kapaċi, ‘il quddiem, jqanqal numru mhux ħażin ta’ oġġezzjonijiet formali, inklużi xi rikorsi legali.
Mhux ċar x’tip ta’ programmi għandhom ikunu affettwati mis-sospensjoni jew jekk il-President ikunx jista’ iwettaq tassew id-direttiva. Dan meta l-kritiċi qed jgħidu li l-Gvern Amerikan qed juża l-pandemija attwali bħala ‘skuża biex jaddotta ponn tal-ħadid fir-rigward tal-immigrazzjoni’.
L-immigrazzjoni dejjem kienet issue kruċjali fil-kampanji politiċi ta’ Trump iżda ma ngħatatx daqshekk prominenza f’dawn iż-żmenijiet tal-coronavirus. Dan meta l-pajjiż riesaq lejn l-elezzjoni ta’ Novembru għall-Presidenza Amerikana.
//= $special ?>