Ewropa Lokali

Malta b’daqqa oħra ‘l isfel fl-indiċi tal-libertà tal-istampa

Fl-aħħar 3 snin pajjiżna niżel 34 post – il-Botswana aħjar

“L-investigazzjonijiet b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qed jiżvelaw stampa ta’ indħil politiku qawwi, li l-għan tiegħu jidher li kien biex ixxekkel l-investigazzjoni u jrewwaħ il-ħtija ‘il bogħod minn persuni qrib il-Gvern Malti”.

Hekk sostnew Reporters Without Borders dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżna wara li Malta niżlet 4 postijiet oħra fl-indiċi tal-libertà tal-istampa għall-2020 – tnaqqis ta’ 34 post fl-aħħar 3 snin biss, sabiex il-Gvern ta’ Robert Abela issa jinsab fil-81 post wara pajjiżi bħall-Afrika t’Isfel, il-Ghana, il-Ġamajka, Hong Kong u l-Botswana. Pożizzjoni meqjusa bħala waħda problematika.

Fir-rapport ġie spjegat li l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia bdiet biss sentejn wara l-qtil makabru, u wara pressjoni qawwija fuq il-Gvern Laburista mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, mill-għaqdiet tas-soċjetà ċivili u mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista.

Wara ġimgħat ta’ protesti fil-qalba tal-Belt Valletta, Joseph Muscat kellu jirreżenja minn Prim Ministru ta’ Malta. Flimkien miegħu rreżenja ċ-chief of staff tiegħu Keith Schembri. Fuq dan tal-aħħar saru diversi allegazzjonijiet anka f’xhieda fil-Qorti b’rabta mal-assassinju ta’ Caruana Galizia.

F’dan il-perijodu, l-eks Prim Ministru Laburista ħa l-premju tal-korruzzjoni għas-sena 2019.

Reporters without Borders spjegaw ukoll kif lura f’Jannar il-Qorti Maltija saħqet li kienu nkissru d-drittijiet fundamentali tal-libertà tal-espressjoni meta għal sentejn sħaħ kemm-il darba ġie mnaddaf il-monument tal-Assedju l-Kbir.

Fir-rapport spikkat ir-referenza għal-lejl meta ġurnalisti (inkluż internazzjonali) spiċċaw maqfula f’kamra fil-Berġa ta’ Kastilja; imsakkrin minn irġiel qrib it-tmexxija Laburista li ħadd ma kellu idea min kienu.

U minkejja l-bidla fit-tmexxija tal-Gvern, ir-rule of law f’Malta baqgħet tiġi deskritta bħala waħda dgħajfa u ta’ sfida kbira għall-ġurnalisti fil-pajjiż.

Finalment, ġie spjegat li dan it-theddid issokta wkoll tul din is-sena b’numru ta’ membri tal-midja jiġu mċaħħda minn informazzjoni jew ma jkunux mistiedna għal press conferences.