Coronavirus Lokali

“Nerħu bil-mod inkella jerġgħu jikbru l-każi” – Chris Barbara, Virologu

Importanti li min kellu sintomi tal-virus u għaddielu, xorta jmur jagħmel swab. Dan spjegah b’mod ċar ħafna l-virologu Chris Barbara, f’kummenti li għadda fuq Net Television, waqt il-programm Net Live ma’ Robert Cremona.

“JEKK KELLEK IS-SINTOMI EJJA GĦAT-TEST, GĦALIEX JEKK INTI KELLEK L-INFEZZJONI BIL-VIRUS U WARA FTIT ĦASSEJTEK AĦJAR JISTA JKUN LI INTI WIEĦED MILL-MAĠĠORAZNA TAN-NIES LI L-VIRUS  ĦAKMEK B’MOD KLINIKU ĦAFIF ĦAFNA . ALLURA XORTA TA’ MIN TAGĦMEL IS-SWAB BIEX MA TINFETTAX LIL ĦADDIEĦOR”

Chris Barbara fakkar li f’pajjiżna qed jirnexxielna nikkontrollaw il-firxa tal-virus. Enfasizza wkoll fuq l-importanza li ma nabbandunawx lil min għandu l-virus, iżda għandna ntuhom is-sapport kollu possibbli.

Hu spjega li Malta għadha ma waslitx fil-quċċata tal-kurva ta’ din il-marda.

“KIEKU NARAW IL-GRAFIKA NARAW LI MALTA RNEXXIELNA NBAXXU L-KURVATURA. MA JFISSIRX LI WASALNA FIL-QUĊĊATA GĦAX DAK IR-REPRODUCTIVE FACTOR IRID JINŻEL IKTAR MINN 1”

Il-virologu spjega li biex inkunu lħaqna l-quċċata it-trażmissjoni trid tkun ta’ anqas minn persuna waħda għal persuna oħra, jew inqas minn 1:1.

Hu wissa mill-periklu li l-mewġa terġa tikber jekk aħna nirrilaxxaw kmieni wisq.

“JEKK DAK LI JKUN JGĦID MELA ISSA GĦADDA KOLLOX, NIBDEW MA NŻOMMUX DISTANZA, MA NAĦSLUX IDEJNA, NERĠGĦU NIBDEW NARAW IL-KAŻIJIET JERĠGĦU JIBDEW TELGĦIN”

Dan jista jwassal biex pajjiżna jkollu t-tieni mewġa tal-Covid-19 għaliex il-virus jibqa’ jipprova jinfetta l-persuni. Għalhekk, il-miżuri ta’ prekawzjoni bħad-distanza soċjali, il-ħasil tal-idejn u aktar, ma rridu ninsewhom qatt.