Lokali

Prezz rekord taż-żejt: “Il-Gvern għandu jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u l-fuels illum stess” – PN

“Bil-prezzijiet rekord taż-żejt, il-Gvern issa m’għandux iżjed skużi sabiex iraħħas il-kontijiet b’50% u jgħin lill-familji u n-negozji li qegħdin jgħaddu minn diffikultajiet kbar minħabba l-imxija tal-COVID-19. Dan biex il-Maltin u l-Għawdxin ma jibqgħux jinsterqu b’deal ħażin ieħor tal-Gvern li ttradixxa l-aqwa interess tal-familji biex jaġevola kumpaniji barranin fl-enerġija u meta f’dawn l-aħħar sentejn intrabat li jixtri l-enerġija bi prezz fiss”.

Hekk sostna l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija u l-Konservazzjoni u l-Immanniġġjar tal-Ilma, Ryan Callus, fejn spjega li fl-aħħar 24 siegħa s-swieq tal-prezz taż-żejt rreġistraw waqa’ rekord fl-istorja moderna. Dan minħabba produzzjoni għolja u domanda baxxa, kawża tal-kriżi bil-COVID-19, hekk kif il-postijiet tal-ħażna tal-produtturi huma mimlija minħabba dan t-tnaqqis ta’ produttività.

Huwa saħaq li naturalment, dawn l-iżviluppi u t-tendenza ta’ prezzijiet rekord għall-prezz taż-żejt ilhom għaddejjin għal dawn l-aħħar xhur u wasslu għat-traħħis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma u fil-prezzijiet tal-petrol u diesel f’pajjiżi oħrajn, meta b’tal-aħħar il-konsumaturi Maltin u Għawdxin qegħdin iħallsu t-tielet l-għola fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Ryan Callus insista li b’hekk kif il-bieraħ kellna prezz rekord taż-żejt, u fejn hu evidenti li l-prezzijiet tas-suq għal Mejju u Ġunju m’humiex se jiżdiedu fis-sitwazzjoni ta’ kriżi ekonomika li għaddejjin minnha, l-Oppożizzjoni terġa’ ttenni li l-Gvern għandu minnufih jilqa’ l-proposta li saritlu mill-Partit Nazzjonalista biex il-kontijiet tad-dawl u l-ilma jorħsu b’50%, meta l-familji qegħdin jobdu d-direttivi mogħtija mill-Awtoritajiet tas-Saħħa u qegħdin joqogħdu d-dar u allura jikkunsmaw iżjed dawl u ilma.