Ewropa Lokali

Qasma fil-Partit Laburista dwar il-kriżi tal-immigrazzjoni

Botta u risposta, filwaqt li Sant u Cutajar jibqgħu gallarija

Il-Partit Laburista maqbud f’pożizzjoni ta’ konfużjoni

Il-membri tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew spiċċaw fi gwerra bejniethom minħabba l-kwistjoni tal-immigrazzjoni illegali. Dan hekk kif f’vot li ttieħed nhar il-Ħamis 16 ta’ April, l-ebda membru Parlamentari Ewropew tal-PL ma vvota l-istess – għajr għal Josianne Cutajar u l-eks Prim Ministru Alfred Sant li ma ħassewx il-ħtieġa li jivvotaw, u għaldaqstant astjenew.

L-emenda kienet titlob lill-istati membri tal-Unjoni Ewropea sabiex jipprovdu postijijet ta’ diżimbarkazzjoni għal persuni li jkunu ġew salvati mill-baħar – inkluż bastimenti ta’ ngo’s u vapuri merkantili.

L-ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba sostna mal-ġurnal ‘Illum’ li hu kien kburi li din l-emenda ivvota kontriha u fortunatament fl-aħħar mill-aħħar il-maġġoranza tal-Plenarja m’appoġġjathiex – minkejja li l-pożizzjoni tas-Soċjalisti kienet favuriha.

Dan filwaqt li fuq il-midja soċjali l-MEP Laburista Miriam Dalli, li fil-Parlament Ewropew tiġi l-Kap tiegħu, saħqet li hi għamlet proprju l-oppost ta’ Agius Saliba. Hi ċaħdet l-allegazzjonijiet li ntqalu internament fi ħdan il-Partit Laburista li hija vvotat ħalli Malta tkun ċentru tal-immigranti jew biex tħalli l-portijiet miftuħa.

Mill-banda l-oħra, Alex Agius Saliba saħaq li hu ddeċieda b’konvinzjoni li jaħdem u jikkonvinċi numru ta’ Ewro-Parlamentari oħra li dan il-piż fiċ-ċirkostanzi li qed ngħixu bħalissa kien wieħed sproporzjonat fuq l-iżgħar stat membru tal-Unjoni Ewropea. Iżda Miriam Dalli akkużat lill-MEP Laburista b’tgħawwiġ tal-fatti.

Il-pożizzjoni tal-MEP Laburista Alex Agius Saliba kienet ukoll irrapportatu fuq is-sit onlajn ta’ Inews f’artiklu u intervista mal-Ewroparlamentari fejn fost oħrajn saħaq illi li kieku din l-emenda ġiet approvata kienet ser tpoġġi lil Malta f’ċentru ta’ salvataġġ f’nofs il-Mediterran għal madwar nofs miljun immigrant irregolari.

Madanakollu għal xi raġuni, dan l-artiklu tneħħa minn fuq is-sit.

Minn naħa tagħhom l-Ewroparlamentari David Casa u Roberta Metsola ikkonfermaw dak li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fejn saħqu li minkejja li pajjiżna għandu obbligu biex isalva ħajjet in-nies mill-għarqa, dan ma jfissirx li l-kontrolli fuq l-immigrazzjoni u l-fruntieri jieqfu ħesrem u ma jibqagħux jiġu msaħħa.

Huma saħqu li kieku din l-emenda ġiet approvata kienet ser tixħet ir-responsabbilità kollha dwar din is-sitwazzjoni fuq l-istati membri u għaldaqstant teskludi pajjiżi terzi bħat-Tuneżija u l-Montenegro.

Il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista minn dejjem kienet waħda unanima, jiġifieri dik li jissalvaw il-ħajjiet, li jingħata ażil għal min verament għandu bżonn u tinżamm id severa għal dawk it-traffikanti li jabbużaw mill-aktar vulnerabbli.

Madanakollu temmew jgħidu li mill-banda l-oħra dik tal-Partit Laburista hija pożizzjoni ta’ konfużjoni u tinbidel skont min ikun qed jitkellem.