Kummerċ Lokali

UMarkets – Skambju mhux liċenzjat

L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (“MFSA”) ġiet infurmata b’entità li qed topera bl-isem ta’ UMarkets u li għandha preżenza fuq l-internet fis-sit https://www.umarkets.com/

L-entità ssostni li hija broker kummerċjali online, proprjetà ta’ Market Solutions Limited, li toffri Forex, komoditajiet, CFDs u indiċijiet. Umarkets tiddikjara wkoll li għandha “substantial relationships in Europe and Asia with major banks, such as HSBC”. 

L-MFSA tixtieq tinforma lill-pubbliku f’Malta u barra mill-pajjiż, li UMarkets MHIX kumpanija rreġistrata hawn Malta u LANQAS M’HI liċenzjata jew awtorizzata mill-MFSA biex tipprovdi servizz ta’ skambju jew servizzi finanzjarji oħra li huma meħtieġa li jkunu liċenzjati jew bi kwalunkwe mod ieħor awtorizzati taħt il-liġi Maltija.

Għalhekk il-pubbliku m’għandux jidħol f’negozju jew jagħmel tranżazzjonijiet ma’ din l-entità. L-MFSA tagħmel referenza wkoll għal avviżi li nħarġu minn numru ta’ Awtoritajiet Regolatorji barranin kontra UMarkets u Market Solutions Ltd, inkluż fil-Belġju, Spanja u l-Awstralja.

L-MFSA għalhekk tixtieq tfakkar lill-konsumaturi ta’ servizzi finanzjarji biex ma jidħlu f’ebda transazzjoni ta’ servizzi finanzjarji qabel ma jkunu ċerti li l-entità li magħha qed issir it-transazzjoni hija awtorizzata li tipprovdi dawk is-servizzi mill-MFSA jew minn xi regolatur ieħor tas-servizzi finanzjarji ta’ reputazzjoni tajba.  

Investituri għandhom ukoll jaġixxu b’kawtela massima meta jsirulhom offerti ta’ servizzi finanzjarji b’metodi mhux konvenzjonali bħal telefonati jew permezz tal-midja soċjali.Lista ta’ entitajiet liċenzjati mill-MFSA hija disponibbli fuq is-sit uffiċjali tal-MFSA fuq http://www.mfsa.com.mt/pages/licenceholders.aspx