22 TA’ APRIL 2005
Bħal-lum 15-il sena, l-eks gowlkiper internazzjonali Franċiż Fabien Barthez kien ġie sospiż sitt xhur li tlieta minnhom huma sospiżi talli beżaq referee. Id-deċiżjoni ttieħdet mill-Kumitat tad-Dixxiplina tal-Federazzjoni Franċiża. Hu kien deher quddiem il-Bord tad-Dixxiplina erbat ijiem qabel.
Hu kien irrappurtat talli beżaq lir-referee Abdellaj El Achiri waqt logħba ta’ ħbiberija bejn Wydad Casablanca u Olymique Marseille fi Frar tal-istess sena. Fil-partita kienet inqalgħet ġlieda fil-pitch wara li d-difensur tat-tim tiegħu Frederic Dehu kien tkeċċa. Barthez li kien ġie mibdul, kien fuq il-bank u mar jaffronta lir-referee, bil-logħba tiġi abbandunata għaxar minuti mit-tmiem.
B’dik id-deċiżjoni, Barthez kien xorta se jkun disponibbli għall-konfronti li kellhom Franza mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2006. Il-Franċiżi kien imisshom jilagħbu kontra l-Gżejjer Faroe fit-3 ta’ Settembru, kontra l-Irlanda erbat ijiem wara kif ukoll kontra l-Iżvizzera u Ċipru fit-8 u t-12 ta’ Ottubru rispettivament.
Iżda f’deċiżjoni mhux solita, il-Kunsill Federali tal-Federazzjoni Franċiża, appella s-sospensjoni, bl-argument ikun li kellu jkun sospiż tal-anqas sitt xhur. Eventwalment is-sospensjoni ġiet estiża għal sitt xhur. Il-President tal-Federazzjoni ta’ dak iż-żmien Jean-Pierre Escalettes qal li plejer tal-kwalità ta’ Barthez irid ikun eżemplari.
//= $special ?>