22 TA’ APRIL 2001
Bħal-lum 19-il sena ilu, Marsa aċċertaw posthom fil-Kampjonat Premier għall-ewwel darba minn meta ġew relegati fl-istaġun 1984/85. Huma kisbu draw ta’ 0-0 kontra l-isfidanti Qormi u ġew dikjarati bħala Champions tal-Ewwel Diviżjoni.
B’dak id-draw, Qormi tilfu l-opportunità li jiksbu l-promozzjoni għall-ewwel darba mill-istaġun 1979/80. Dan hekk kif Lija Athletic rebħu l-aħħar logħba li kien fadlilhom kontra St. Patrick 2-1 u spiċċaw il-kampjonat b’34 punt, żewġ punti aktar minn Qormi u punt taħt Marsa.
Fil-ħarġa ta’ In-Nazzjon tal-għada, ir-riżultat ta’ 0-0 kien meqjus bħala wieħed ġust għalkemm Marsa setgħu anki rebħu l-logħba lejn it-tmiem. Il-Marsin taħt it-tmexxija tal-kowċ Lolly Aquilina, kellhom lil Ibrahim Tarik u Igor Stefanovic neqsin. Spikka fil-logħba d-difensur Nikolai Slavchev.
L-azzjonijiet kienu ftit fl-ewwel taqsima, bl-attakkant ta’ Qormi Malcolm Tirchett imur l-aktar viċin meta laqat il-lasta b’daqqa ta’ ras. Għaxar minuti mit-tmiem, il-veteran Mark Marlow qassam lejn Glenn Barry iżda l-konklużjoni tiegħu ġiet salvat b’mod providenzjali mill-gowlkiper Scicluna. Fl-aħħar minuta, Ridha Dardouri laqat il-mimduda.
It-tisfira finali fl-Istadium Nazzjonali ntlaqgħet ġustament bil-ferħ mill-partitarji Marsin. Wara l-logħba l-captain ta’ Marsa Jason Cordina ġie ppreżentat bit-trofew ta’ Champions tal-Ewwel Diviżjoni mill-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien Joe Mifsud.
//= $special ?>