L-attriċi Taljana Ambra Angiolini llum tagħlaq 43 sena. Hi twieldet f’Ruma fl-1977 u bdiet il-karriera televiżiva tagħha meta kellha biss 13-il sena waqt il-programm Bulli e Pupe fuq Canale 5, liema karriera kompliet bil-programm popolari Non e’ la Rai li Ambra kienet tippreżenta fuq Italia 1 meta kellha biss 15-il sena.
Illum Ambra hija waħda mill-iktar atturi mfittxija fl-Italja u sa issa ħadmet aktar minn 20 film għaċ-ċinema Taljan. Rebħet diversi premjijiet important fosthom il-Nastro d’Argento, Ciak d’Oro u Globo d’Oro. Ta’ 15-il sena Ambra kienet rebħet ukoll it-Telegatto. Bdiet il-karriera tagħha ma’ Gianni Boncompagni u ħadmet ukoll ma’ Pippo Baudo, Mike Bongiorno u Gerry Scotti fost l-oħrajn.
Ħarġet erba’ albums bit-Taljan u bl-Ispanjol, bl-iktar wieħed li għamel suċċess jibqa’ l-album ‘T’Appartengo’ li tela’ fil-quċċata tal-klassifiċi fl-Italja, Spanja u l-Amerika Latina. Ftit xhur ilu dan l-album għalaq ħamsa u għoxrin sena.
Ambra għandha żewġt itfal, minn relazzjoni twila li kellha mal-kantant Francesco Renga, Jolanda ta’ sittax-il sena u Leonardo ta’ erbatax-il sena. Fl-aħħar ġimgħat Ambra nediet kampanja ‘Sostieni Brescia’, biex jinġabru fondi għall-persuni li fil-belt ta’ Brescia fejn tgħix hi, intlaqtu ħażin ħafna mill-virus Covid-19.
Dan l-aħħar kienet ukoll protagonista ta’ duet ma’ Marco Masini bil-kanzunetta ‘Ti Vorrei’ fl-album li jiċċelebra t-tletin anniversarju tal-karriera ta’ Masini.
Artiklu miġbur minn Mark Azzopardi
//= $special ?>