Ambjent Lokali

“Deċiżjoni illegali tal-Prim Ministru” – Birdlife Malta

Dalgħodu, BirdLife Malta ppreżentat Kwerela lill-Kummissarju tal-Pulizija.

Dan wara li aktar kmieni din is-sena resqet Protest Ġudizzjarju fil-Qorti b’rabta mad-deċiżjoni li huma sejjhu “illegali” tal-Prim Ministru Robert Abela li jpoġġi r-regolatur tal-kaċċa taħt il-Ministeru għal Għawdex.

Dan il-pass ittieħed peress li l-liċenzji tal-kaċċa ħarġu mill-Ministeru għal Għawdex meta skont il-liġijiet ambjentali kollha ta’ Malta, il-Ministru għal Għawdex m’għandu l-ebda dritt legali biex joħroġ dan id-dokument. Dan ifisser li l-liċenzji huma invalidi u kull min ħareġ għall-kaċċa, skont il-BirdLife, qed jikser il-liġi.

Għalhekk, din l-ghaqda ambjentali qed titlob lill-Kummissarju tal-Pulizija jieħu l-miżuri kollha li tagħtih il-liġi sabiex jirtira l-liċenzji tal-kaċċa ta’ dawk in-nies li f’dawn il-ġimgħat ħarġu bi ħġarhom għall-kaċċa.

Il-President ta’ BirdLife Malta Darryl Grima u l-Kap Eżekuttiv Mark Sultana spjegaw li din l-evidenza ċara li akkwistat BirdLife Malta tikkonferma kif id-deċiżjoni li l-kaċċa u l-insib jgħaddu taħt il-portafoll tal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri saret bl-aktar mod ċar bi ksur tal-liġi.

Għalhekk il-Pulizija qed tintalab tieħu azzjoni biex tiżgura li b’mod immedjat kull min qiegħed joħroġ għall-kaċċa b’liċenzja mhux valida, jitressaq il-Qorti skont kif tistipula l-liġi tal-ambjent ta’ Malta.

Intant, b’reazzjoni għal dan, il-Kap Eżekuttiv tal-FKNK Lino Farrugia qal li min-naħa tagħhom huma qatt ma appoġġjaw l-irregolaritajiet li jsiru, anzi enfasizza li l-ordni pubblika għandha tieħu azzjoni fejn tara li qed isiru dawn l-irregolaritajiet.Lino Farrugia saħaq li lura fl-2009, fil-Qorti Ewropea, huma rebħu d-dritt li tiġi applikata Deroga biex tkun tista’ ssir l-kaċċa fir-Rebbiegħa.