Sport Sport Ieħor

Federer isejjaħ biex jingħaqdu l-entitajiet li jmexxu t-tennis tal-irġiel u n-nisa

(Ritratt: EPA)

Roger Federer sejjaħ biex jingħaqdu l-ATP Tour tal-irġiel u d-WTA li tmexxi t-tours tan-nisa. It-tennis jinsab wieqaf minħabba l-imxija tal-coronavirus, bit-tennisti professjonali tal-livell ta’ isfel jinsabu fi kriżi finanzjarja. L-istaġun ġie sospiż f’Marzu minħabba l-pandemija u tal-anqas se jibqa’ wieqaf sa nofs Lulju.

Fil-kumment tiegħu fuq twitter, Federer speċifika li qed jitkellem fuq iż-żewġ entitajiet u mhux li jkun irġiel u nisa jikkompetu fl-istess tournaments. L-Iżvizzeru qal li l-partitarji u dilettanti jitħawdu meta jkun hemm sistemi differenti ta’ ranking, emblemi, siti fuq l-internet u kategoriji differenti.

L-ATP, id-WTA, il-Federazzjoni Internazzjonali tat-Tennis u l-organizzaturi tal-erba’ Grand Slams qed joħolqu fond biex jgħinu lill-plejers tal-livell ta’ isfel li huma l-aktar affettwati minn dan il-mument.

Federer li għandu 38 sena, għamel operazzjoni fl-irkoppa l-leminija fi Frar. Hu kien jippjana li jkollu waqfa ta’ erba’ xhur u inċidentalment spiċċa ma tilef l-ebda tournament sa issa minħabba l-pandemija waqqfet l-isport madwar id-dinja.