L-organizzaturi tas-Six Nations qed jaħdmu fuq pjan ta’ kontinġenza biex jorganizzaw it-tieni tournament aktar tard din is-sena. L-assoċjazzjonijiet ta’ Franza, l-Ingilterra, l-Irlanda, l-Iskozja, l-Italja u Wales bdew id-diskussjonijiet, b’wieħed mix-xenarji possibbli hu tournament ta’ tmien ġimgħat li jsir bejn Ottubru u Novembru.
Rapport fil-media internazzjonali qal li t-tournament qed jiġi ppjanat minħabba tħassib li l-pandemija tal-Covid-19 se twaqqaf lil New Zealand, l-Awstralja, l-Afrika ta’ Isfel u l-Arġentina milli jivvjaġġaw lejn l-Ewropa f’Novembru. Dan ir-rapport jgħid li jekk issir it-tieni edizzjoni tas-Six Nations din is-sena, jeżisti potenzjal ta’ madwar €113-il miljun fi dħul mill-bejgħ tal-biljetti.
Ir-Rugby mhux eċċezzjoni għall-imxija tal-coronavirus li waqqfet l-isport kollu. Fl-edizzjoni ta’ din is-sena tas-Six Nations ġew posposti erba’ logħbiet. Il-World Rugby diġà ħolqot fond ta’ madwar €92 miljun biex tassisti lill-assoċjazzjonijiet hekk kif qed jippruvaw jgħaddu minn dan l-impatt finanzjarju negattiv.
//= $special ?>