Il-Fondazzjoni HSBC Malta qed tagħti €30,000 lil żewġ NGOs li qed jgħinu lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà u li ħajjithom sfat aktar ikkumplikata minħabba l-emerġenza COVID-19.
Minn dawn, €15,000 qed jingħataw lill-Foodbank Lifeline Foundation li rat żieda ta’ 50% fl-għadd ta’ familji li qed ifittxu għajnuna. Qed jingħataw €15,000 oħra lil Caritas Malta, li permezz tad-Diaconia u l-unitajiet tax-xogħol soċjali tagħha, tipprovdi ukoll ikel u appoġġ lil familji li tant għandhom bżonn.
Il-Foodbank Lifeline Foundation, li f’ċirkostanzi normali tforni ikel lil aktar minn 130 familja u individwu fil-ġimgħa, ekwivalenti għal aktar minn 15,950 membru tal-familja fis-sena, fil-preżent qed tgħin madwar 300 familja.
Dawn in-numri addizzjonali jinkludu persuni li kienu diġà rreġistrati, li ressqu lejn il-Fondazzjoni biex jitolbu l-għajnuna mill-ġdid. Barra minn din iż-żieda fid-domanda għas-servizzi tagħha, il-Foodbank Lifeline Foundation kellha ukoll tibdel il-mod kif topera biex tħares is-saħħa u s-sigurtà kemm tal-volontieri, kif ukoll tal-persuni li jersqu lejha.
B’riżultat ta’ dan, ikkonsolidat ħidmietha kollha f’ċentru wieħed u, wara ftehim milħuq ma’ servizz ta’ kunsinna tal-ikel, il-Fondazzjoni qed tkompli twassal l-ikel lil dawn il-persuni filwaqt li tirrispetta d-distanzi soċjali.
Bl-istess mod, Caritas Malta kellha tadatta l-mod kif taħdem. Dan sar biex jkun żgurat li ma jkunx hemm kuntatt fiżiku, hekk kif il-volontieri tagħha, li jaħdmu id f’id mal-istaff tal-Caritas, mal-NGOs u ma’ timijiet parrokkjali tad-Diaconia, ikomplu jqassmu ikliet sħan, li qed jkunu pprovduti minn fondazzjoni privata lil dawk l-aktar fil-bżonn.
Simon Vaughan Johnson, Kap Eżekuttiv Designate tal-HSBC Malta, qal: “Il-Fondazzjoni HSBC Malta tagħraf li l-għadd ta’ nies fil-bżonn qed jiżdied minħabba s-sitwazzjoni attwali u nittamaw li dawn id-donazzjonijiet jgħinu biex jagħmlu differenza lill-membri l-aktar vulnerabbli tal-komunità tagħna.
“Ninsabu kuntenti li qed nappoġġaw lill-Foodbank Lifeline Foundation u lil Caritas Malta u lix-xogħol siewi li l-volontieri tagħhom jagħmlu fil-komunità. L-HSBC qed toffri ukoll l-użu ta’ tnejn mill-vetturi elettriċi tagħha għad-distribuzzjoni tal-ikel, bħala parti mill-kontribut tagħna biex inżidu l-għadd ta’ ikliet mogħtija kuljum għal 700.”
Anthony Gatt, Direttur ta’ Caritas Malta, qal: “L-HSBC Malta Foundation tat kontribut sinifikanti fir-rispons għall-emerġenza COVID-19, hekk kif grupp ta’ 40 volontier, bl-appoġġ tal-Unità Diaconia ta’ Caritas Malta, qed ikomplu jwasslu mijiet ta’ ikliet lill-aktar persuni vulnerabbli.
L-għotja tal-HSBC se tgħina ukoll biex insostnu lil dawk li jagħmlu kuntatt magħna permezz tal-erba’ linji telefoniċi tagħna, imħarsa minn ħaddiema soċjali u counsellors, li ftaħna biex nirċievu telefonati għall-għajnuna.”
Jane Mizzi, membru tal-Bord u volontiera tal-Foodbank Lifeline Foundation, qalet: “Ninsabu grati għall-appoġġ provdut mill-HSBC Malta Foundation f’dan iż-żmien diffiċli għal ħafna familji vulnerabbli. Jagħmillek kuraġġ il-fatt li naraw kumpaniji, bħall-HSBC, li jifhmu l-problemi li n-nies qed jiffaċċjaw u jinsabu lesti li jagħtu kontribut reali biex jappoġġjaw lil dawk li l-aktar għandhom bżonn tas-solidarjetà tagħna.”
Intant, l-HSBC Malta nieda ukoll l-HSBC Family Support Group biex jipprovdi affarijiet essenzjali għall-impjegati, f’każ li dawn ikunu fi kwarantina u jenħtieġu mediċini jew prodotti tal-merċa li ma jkunux f’pożizzjoni li jixtru.
//= $special ?>