Lokali Parlament

Il-Gvern jibqa’ jwarrab proġetti li kien wiegħed f’Għawdex

Chris Said, PN

Id-deputat Nazzjonalita Chris Said qal li għal diversi drabi oħra l-Gvern qed iwarrab proġetti importanti għal Għawdex li kienu ilhom imwiegħda mill-istess Gvern.

Fil-parlament Chris Said irringrazzja lill-ħaddiema fis-settur mediku għall-mod kif qed iwettqu l-ħidma f’Għawdex u appella biex jittieħdu l-passi meħtieġa fis-setturi kollha tas-saħħa.

Hu rrefera għal stqarrija tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex u qal li 84% tal-operaturi f’Għawdex qed jgħidu li se jkollhom jispiċċaw fix-xejn. L-ekonomija Għawdxija tiddependi ħafna iżjed fuq it-turiżmu mill-ekonomija ġenerali fejn f’Għawdex din tifforma 50% tal-GDP.

Hemm bżonn urġenti ta’ għajnuna u pjan ċar biex dan is-settur jerġa’ jqum fuq saqajh. Hemm bżonn pjanar ta’ diversifikazzjoni biex Għawdex ma jibqax jiddependi biss mit-turiżmu.

Hu tkellem dwar il-mistoqsijiet parlamentari mhux imwieġba u qal li l-Ispeaker appella lill-ministri biex jieħdu l-mistoqsijiet bis-serjetà u jwieġbuhom. Hemm ammont sostanzjali ta’ mistoqsijiet parlamentari fl-ammont ta’ 600 mistoqsija li għandhom imwieġba wara tliet snin. Hemm ukoll numru ta’ mistoqsijiet li ma jkunux imwieġba kif suppost.

Chris Said tkellem dwar it-taħmil li issa beda biex tinbena skola primarja ġdida fir-Rabat Għawdex; liema skola ilha mwiegħa s-snin. Dan qed isir b’nuqqas ta’ ippjanar kbar mal-iskola medja ta’ Għawdex flok il-grounds fejn it-tfal kienu jilgħabu. Din l-iskola se tieħu 500 student u se jittieħed ukoll il-parkeġġ tal-Arcadia li se jispiċċa. Għal din l-iskola mhu se jkun hemm l-ebda parkeġġ.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar is-servizz ta’ helicopter u l-fast ferry bejn Malta u Għawdex; li huma żewġ wegħdiet elettorali Laburisti għal Għawdex. Jidher lidawn il-proġetti mhux se jsiru f’din il-leġiżlatura. Din hi ħasra għax il-konnettività hi importanti u dan juri li dawn kienu biss wegħdiet Laburisti għall-voti. Dan l-istess bħall-qorti ġdida, il-cruise liner terminal u l-casino li baqgħu ma sarux

Chris Said semma’ l-kwistjoni tar-reġistrazzjoni tal-artijiet fin-Nadur u qal li l-Gvern m’għamel xejn minkejja li n-nies huma inwketati bir-reġistrazzjoni u minkejja li hemm ippjanati reġistrazzjonijiet oħra. Il-Gvern wiegħed li se jieħu passi iżda m’għamel xejn ħlief mezz ta’ pubbiċità.

Dwar il-vapur second hand tal-Gozo Channel li ssa se jieqaf għal xahrejn u li qed jiswa €13,000 kuljum, Chris Said qal li se jkompi għaddej bil-proċess legali biex toħroġ l-informazzjoni. Dwar is-siti storiċi hu qal li t-Tempji Puniċi tal-Wardija m’għandhomx jitħallew propjetà privata u qed jiddeteroja.

L-Għar tal-Mixta għandu jerġa jgħaddi għand il-Gvern għaliex hu ġawhra natura. It-Torri tal-Qbajjar jinsab fi stat diżastruż iżd jidher li l-Gvern ma jrid jagħmel xejn.

Hu tkellem dwar id-djar soċjali u qal għadu ma nbena xejn f’Taċ-Ċawla iżda appella li minflok isiru dawn il-binijiet, il-Gvern għandu jikkunsidra li juża’ b’kiri l-propjetà privata magħluqa biex tintuża għal skop ta’ akkomodazzjoni soċjali.