Il-Kampjonat tad-Dinja tas-snooker ġie skedat biex jibda fil-31 ta’ Lulju fi Crucible Theatre. Dan l-avveniment importanti kien skedat li jibda dan ix-xahar u tħassar xahar ilu minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Il-World Snooker Tour qalet li se tkun qed tevalwa l-parir tal-Gvern f’dak iż-żmien dwar in-numru ta’ spettaturi li jitħallew jidħlu fil-post.
Iċ-chairman Barry Hearn qal li l-preferenza tagħhom hi li jorganizzaw l-avveniment b’mod normali fi Crucible Theatre li jilqa’ fih ftit anqas minn 1,000 spettatur. Jekk ma jkunx possibbli, se jkunu qed jieħdu l-għażliet kollha fosthom anqas spettaturi, bibien magħluqa jew saħansitra jerġgħu jipposponi t-tournament.
Hearn qal li hu kruċjali biex il-128 plejer li jinsabu fit-tour professjonali, ikunu jafu li qed jagħmlu dak kollu possibbli biex jerġgħu jibdew. Dan wara li l-Gvern Ingliż ikun ħabbar li hemm biżżejjed sigurtà li jsir dan. L-ewwel 16-il plejer fir-rankings tad-dinja għandhom post awtomatiku, b’16 oħra jingħaqdu magħhom mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni li d-dati tagħhom għadhom iridu jitħabbru.
Fil-finali tas-sena l-oħra, in-numru wieħed tad-dinja Judd Trump rebaħ kontra l-Iskoċċiż John Higgins. Il-finali fuq l-aqwa minn 35 frame hi skedata li ssir fuq jumejn, bir-rebbieħ jikseb aktar minn nofs miljun sterlina fi premju.
//= $special ?>