Coronavirus Ekonomija Kummerċ Lokali

“Il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għandhom jitnaqqsu bin-nofs illum” – PN

“Nerġgħu intennu l-appell sabiex immedjament il-Gvern jilqa’ l-proposta tal-PN u jraħħas il-kontjiet tad-dawl u l-ilma b’50% b’effett mid-9 ta’ Marzu li għadda. Il-familji qegħdin ibatu u jħallsu bl-għoli b’riżultat tal-poltika ħażina u korrotta tal-Gvern Laburista fl-enerġija.”, hekk qal il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Ryan Callus waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kelliema Claudette Buttigieg u Hermann Schiavone. 

Ryan Callus, sostna li l-Gvern għadu ma ċaħadx dak li l-Oppożizzjoni sostniet tliet ġimgħat ilu, li l-Maltin u l-Għawdxin qed jitilfu €86 miljun fis-sena b’riżultat tal-politika ħażina u korrotta tal-Gvern fl-enerġija. Din iċ-ċifra issa kompliet tiżdied għal €91 miljun fis-sena, minħabba l-kollass fis-swieq taż-żejt u t-traħħis tal-gass. Huwa elenka ħames raġunijiet għalfejn il-Maltin qed jinsterqu minn kontijiet għoljin:

  1. Il-Gvern Laburista għamel ftehim li jixtri l-enerġija bil-fiss għal 18-il sena sħaħ u rabatna nħallsu bl-għoli lill-Electrogas, li huwa l-ogħla sors mill-impjanti kollha tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, bl-interconnector u l-BWSC l-irħas.
  2. Daħħal lis-SOCAR bħala intermedjarju għax-xiri tal-gass li qed jiswina €40 miljun f’commissions fis-sena. Mill-ġurnata li bdiet topera l-power station tal-Electrogas f’Awwissu 2017 sal-lum, il-prezz tal-gass raħas b’36%, liema roħs m’għaddiex għand il-konsumatur.
  3. Biegħ terz tal-Enemalta lill-barrani, fejn tlifna s-sovranità li niddeċiedu kif u meta nraħħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Il-Ministru Edward Scicluna stess kien ikkonferma dan, u issa qed jgħidilna li m’għandux soluzzjoni għat-tbażwir li daħħalna fiha hu stess.
  4. Il-ftehim mal-Electrogas huwa mifni bil-korruzzjoni, bil-konferma li l-eks Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri nqabdu f’korruzzjoni ta’ €5,000 kuljum minn Jurgen Fenech, sieħeb ewlieni fl-impjant tal-Electrogas, kif investigat minn The Daphne Project.
  5. Gvern Laburista ma ndirizzax l-inġustizzja fil-kalkolu tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u li kien wiegħed li se jwettaq sal-2019. Il-konsumatur kellu jmur il-Qorti biex jieħu dak li hu tiegħu, bil-proċedura legali għadhom għaddejjin.

Claudette Buttigieg qalet li l-PN qed jappella biex jizdied il-limitu tal-eko-kontribuzzjoni hekk kif il-konsum domestiku tal-elettriku żdied drastikament, liema konsum ma kienx ippjanat u mhux b’kapriċċ hekk kif in-nies qed jobdu d-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa u qegħdin joqogħdu d-dar. Il-limitu ta’ 1,750 units fis-sena, jiġifieri bejn wieħed u ieħor ta’ 4.79 units kuljum, se jinqabeż u allura l-familji tagħna se jitilfu t-tnaqqis tal-eko-kontribuzzjoni.

Għal dan iż-żmien biss, il-Partit Nazzjonalista qed jissuġġerixxi li l-Gvern jimmira miżura b’rabta mal-ilma hekk kif dan huwa kruċjali biex jinżamm livell għoli ta’ iġjene fid-djar tal-familji tagħna. Meta jinqabeż it-33 metru kubu ta’ ilma kull persuna, wieħed jibda jħallas bil-€5 għal kull metru kubu. Il-Gvern għandu jipprovdi traħħis fl-ilma biex tittaffa din l-ispiża addizzjonali. iżda xorta naghmlu appell sabiex ma’ jkunx hemm ħela ta’ ilma, għaliex huwa riżors skars ħafna u għandna nieħdu ħsiebu. 

Claudette Buttigieg irringrazzjat lill-Maltin u Għawdxin kollha tas-sagrifiċċji kbar li qed jagħmlu f’dan iż-żmien diffiċli sabiex tiġi kkontrollata l-imxija tal-COVID-19 u qalet li l-Gvern għandu jħallas lura lill-familji ta’ din il-koperazzjoni billi jipprovdi l-aħjar għajnuna possibli, anke fil-qasam tal-enerġija. Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern sabiex ma jħallix lill-familji jerfgħu dan il-piż. 

Hermann Schiavone qal li ħafna self-employed u ħaddiema qed jaffaċċja sfidi finanjarji kbar jew tnaqqsilhom drastikament id dħul finanzjarju tagħhom, b’ħafna tilfu l-impjieg jew xogħolhom jinsab imdendel, u fl-istess ħin jridu jibqgħu jixtru jew jikkunsmaw prodotti bħall-mediċini u d-dawl u l-ilma għaliex huma essenzjali.

Dan meta ġew ippubblikati rapporti ta’ żidiet fil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali. Huwa qal li fir-rigward tal-prezzijiet tad-dawl u l-ilma, l-prezz internazzjonali taż-żejt jinsab fl-iktar livell baxx fl-istorja iżda l-konsumatur mhux igawdi minn dan it-traħħis u qed jaqla’ daqqa doppja u jħallas rati għoljin meta l-prezz tal-gass li tixtri l-Electrogas ilu nieżel għal dawn l-aħħar sentejn, u l-konsumatur qed iħallas għal kull unit għaliex jaqa’ fi skala ta’ rata għolja minhabba li qed jikkonsma iktar u fi żmien meta ħafna familji tnaqqsilhom drastikament id-dħul.  

Hermann Schiavone qal li wieħed jistaqsi għaliex il-Gvern mhux iraħħas il-kontijiet meta l-prezz internazzjonali taz-zejt hu tant irħis u t-tweġiba hija sempliċi għaliex il-Gvern b’mod irresponsabbli u korrott għamel ftehim li bih rabat lill-poplu Malti li jħallas kontijiet għoljin għal ħafna snin. Huwa qal li l-Gvern għandu jintervjeni u jnaqqas b’effett immedjat il-kontijiet tad-dawl u l-ilma b’50% għal kulħadd u jraħħas ir-renta tal-arloġġi tad-dawl u l-ilma għan-negozji li ġew sfurzati jagħlqu. 

Din il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija u l-Konservazzjoni u Immaniġġjar tal-Ilma Ryan Callus, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ugwaljanza Vera u Sħiħa Claudette Buttigieg u l-Kelliem għall-Industrija tal-Catering u Divertiment, Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Hermann Schiavone.