Futbol Sport

Il-President tal-MFA jeskludi li l-futbol se jirritorna f’Mejju

Il-President tal-MFA Bjorn Vassallo eskluda li l-futbol lokali se jirritorna f’Mejju, anqas f’termini ta’ taħriġ. Hu qal dan waqt il-programm virtwali #stayhomereplay fuq facebook fejn anki ta idea li l-probabbiltà hi li meta jirritorna l-futbol, jista’ jkun li l-logħbiet jintlagħbu bil-bibien magħluqa.

Bjorn Vassallo qal li għalkemm ma għandhomx idea meta l-futbol milgħub jista’ jirritorna, bħala assoċjazzjoni jridu jkunu preparati. Fosthom semma l-protokol mediku li għandhom bżonn biex il-plejers u l-klabbs ikollhom notifika għal meta jerġgħu jibdew it-taħriġ.

Vassallo qal li minħabba li s-sitwazzjoni qed tevolvi l-ħin kollu, ma jistax jagħti garanzija fuq xejn. Hu għamel referenza wkoll għar-rabta li l-MFA għandha mal-UEFA, bl-assoċjazzjoni Ewropa għandha l-obbligi tagħha. Hu żied li “jekk il-UEFA tikkollassa, jikkollassa l-futbol b’mod Ewropew u dak ma rriduhx.

Vassallo qal li fl-aħħar laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA, ġie deċiż li l-Kampjonat Premier, l-FA Trophy, il-kampjonat tan-nisa u tal-futsal iridu jitkomplew bilfors minħabba l-verdetti tal-kompetizzjonijiet Ewropej.

Il-kampjonati ġew ikklassifikati fi tliet saffi. It-tieni saff jinkludi l-kampjonati tal-Ewwel, it-Tieni, it-Tielet Diviżjoni u l-kampjonati f’Għawdex. Sa issa l-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni u ta’ Għawdex esprimew ruħhom li jixtiequ li l-kampjonati jieqfu.

It-tielet livell hu dak li jinvolvi aktar ħin u riżorsi fosthom il-kampjonati tal-YFA, il-GYFA, il-kampjonat tad-dilettanti tal-futsal kif ukoll tal- Assoċjazzjonijiet Membri. Sa issa ġie deċiż li l-kampjonati tal-YFA ikunu ddikjarati nulli.

Bjorn Vassallo qal li dawn iż-żminijiet urew kemm il-futbol hu vulnerabbli. Dwar il-possibbiltà li jkun hemm tim Malti fil-Lega Pro, ix-xahar id-dieħel hu kkonferma li se jkollu laqgħa mal-awtoritajiet Taljani u fl-istess waqt żied li hu mhux se jpoġġi l-klabbs Maltin għarkupptejhom billi jieħu l-plejers mingħandhom f’dan il-mument. “M’hemmx dubju li mhu se nagħmlu xejn biex inħottu knisja biex nibnu oħra,” temm jgħid Vassallo.