Ambjent Lokali

Illum id-dinja tfakkar Earth Day – anke jekk hija kuljum, u kull fejn int

Illum, id-dinja kollha tfakkar Earth Day 2020, li din is-sena tiffoka fuq l-azzjoni dwar il-klima. It-tibdil fil-klima hi l-ikbar sfida li qed tiffaċċja l-umanitá, filwaqt li tipprova tilqa’ għall-impatti kbar tal-pandemija tal-coronavirus.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kamra tal-Periti dwar dan il-jum ingħad li kull sfida, iżda, hi wkoll opportunita’ għal bidliet pożittivi sabiex niżguraw futur
iktar sostenibbli.

Fl-aħħar tal-2020, Malta, flimkien mal-pajjiżi firmatarji kollha, hi mistennija li żżid fl-obbligi nazzjonali lejn il-Ftehim ta’ Pariġi tal-2015 dwar it-tibdil fil-klima.

Jumejn ilu biss, il-Ministru Aaron Farrugia ħabbar li Malta ngħaqdet ma’ sittax-il pajjiż ieħor membru tal-Unjoni Ewropea li qed jappoġġjaw il-ħsieb li l-“European Green Deal” irid ikun fiċ-ċentru tal-azzjonijiet tagħhom wara li tgħaddi l-pandemija.

Il-Ministri rispettivi qed iħeġġu lill-Ewropa sabiex taħseb fl-isfidi tat-tibdil fil-klima meta tkun qed tfassal l-istrateġiji biex tirkupra b’mod resiljenti mill-kriżi attwali, u qali li filwaqt li l-impenn kollu għandu jkun iffukat fuq il-ġlieda kontra l-pandemija, hemm bżonn li “nibdew nippreparaw ruħna sabiex nerġgħu nibnu l-ekonomija tagħna, u biex jiġu ntrodotti l-pjanijiet neċessarji li jwasslu għal progress imġedded u sostenibbli, u għal prosperità għall-Ewropa u għaċ-ċittadini tagħha.

L-istqarrija tkompli tgħid li biex nagħmlu dan, ma nistgħux ninsew il-kriżi ekoloġika u klimatika li jibqgħu persistenti. Il-ġlieda kontra din il-kriżi triq tibqa’ ewlenija fl-aġenda politika.”

Dan hu pass importanti ħafna. Għal ħafna snin, Malta falliet fl-obbligi tagħha fuq diversi aspetti, mill-immaniġġjar ta’ l-iskart għall-emmissjonijiet, mill-estrazzjoni eżaġerata tar-riżorsi għall-użu mingħajr kontroll ta’ l-enerġija.

Ma nistgħux inkomplu b’din l-attitudni iktar – il-Kamra tal-Periti qalet li fid-dawl ta’ dan kollu hija għalhekk qed tilqa’ dan il-pass li permezz tiegħu Malta reġgħet ikkonfermat l-impenn li l-affarijiet jinbidlu, u tibqa’ tispera li dan ma jkunx biss eżerċizzju ta’ tfigħ ta’ bżar fl-għajnejn.

Min-naħa tagħha, il-Kamra tal-Periti tibqa’ impenjata biex tikkollabora mal-Gvern sabiex jitweqqu dawn l-għanijiet. Għal snin twal ilha tisħaq li hemm bżonn ta’ bidliet kbar fl-industrija tal-bini u tal-kostruzzjoni, li hi magħrufa bħalha waħda mill-ikbar kontributuri għat-tibdil fil-klima.

F’Mejju ta’ l-2019, kienet ippubblikat proposti għal bidla mill-qiegħ tal-qafas li jirregola l-bini u l-kostruzzjoni, liema proposti għandhom ukoll l-appoġġ ta’ l-istakeholders ewlenin fl-industrija, u li għandhom l-għan li jiżguraw li l-bini tagħna jkun iktar sigur u effiċjenti, u li l-industrija tkun iktar iffukata fuq il-kwalita’ milli l-kwantita’.

Dawn il-proposti ġew ippreżentati fl-aħħar ġimgħat lill-Kumitat imwaqqaf mill-Prim Ministru Robert Abela, u l-Kamra qalet li qed tħares ‘il quddiem għall-konklużjonijiet tal-proċess ta’ konsultazzjoni li qiegħed jagħmel dan il-Kumitat.

F’Ottubru li għadda, il-Kamra tal-Periti ħadet il-pass importanti li tiffirma id-Dikjarazzjoni ta’ Davos bit-titlu “Towards a high-quality Baukultur for Europe”, u sallum tibqa’ l-uniku organiżżazzjoni f’Malta li għamlet hekk.

Id-Dikjarazzjoni, li ġiet iffirmata mill-Ministri tal-Kultura Ewropej f’Jannar 2018, talbet li l-kwalità, r-responsabbilta’ komuni u s-sostenibbilta’ kulturali ikunu fiċ-ċentru tal-policies li jirrigwardaw l-ambjent mibni, u stqarret li “hemm bżonn urġenti għal direzzjoni ġdida fit-tfassil tal-ambjent mibni; li
tkun imsejsa fuq il-kultura, li tibni l-koesjoni soċjali b’mod attiv, li tiżgura s-sostenibbilta’ ambjentali, u li tikkontribwixxi għas-saħħa u l-kwalitá tal-ħajja ta’ kull persuna.”

Il-Ministri tal-Kultura nnutaw ukoll limportanza li jkun hemm valur ekonomiku miżjud permezz ta’ assi ta’ kwalita’ aħjar u iktar duratorji, kif ukoll ta’ kundizzjonijiet ekonomiċi favorevoli fis-soċjeta’ li huma sostenibbli, u li jiżguraw li lġenerazzjonijiet futuri jistgħu jibbenefikaw minn żvilupp soċjali u ekonomiku pożittiv.

Il-Kamra tal-Periti qalet li se tibqa’ impenjata biex tiżgura li l-membri tagħha ipoġġu s-sostenibbilta’ fil-qofol talħidma u tar-responsabbiltajiet professjonali tagħhom, biex tħeġġeġ u tkattar standards ogħla għall-kwalita’ fil-bini u l-ispazji miftuħa, u biex tirrikonoxxi r-rwol li professjoni għandha biex iċ-ċittadini tagħna jkollhom kwalita’ ta’ ħajja aħjar.

Iżda dan ma tistax tagħmlu waħidha. Il-Gvern irid ikun l-ixprun għal
ambjent mibni aħjar, mhux biss billi jinvesti f’disinn ta’ kwalita’ iżda wkoll billi jkun dejjem konxju talkonsegwenzi tal-ippjanar u tad-deċiżjonijiet li jieħu f’kull qasam.

L-isfida li qed jiffaċċja l-ambjent mibni tagħna mhux ser jingħelbu b’mod faċli, iżda nistgħu naslu jekk ikun hemm azzjoni konġunta, responsabbiltà komuni u impenn lejn it-tfassil ta’ viżjoni li jikkataliżża lillistakeholders kollha sabiex jadmu għal ambjenti u postijiet ta’ kwalita’ għola li jnisslu sens ta’ dinjita’ u kburija f’min jużahom.

Earth Day 2020 jista’ jkun mument importanti fejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżna jqumu u, flimkien ma’ miljuni ta’ nies madwar id-dinja, jisħqu t-talba tagħhom għall-kreattivita’, l-innovazzjoni, lambizzjoni u l-kuraġġ li hemm bżonn sabiex nilqgħu għall-kriżi klimatika u naħtfu l-opportunitajiet kbar għal futur mingħajr karbonju (zero-carbon).