Il-Prim Ministru tal-Awstralja, Scott Morrison, qed ifittex l-appoġġ għal investigazzjoni internazzjonali dwar l-oriġini tal-coronavirus li, s’issa, irriżulta f’2,581,000 każ ta’ infezzjoni u 180,000 imwiet madwar id-dinja.
Morrison, intant, iddiskuta l-possibbiltà ta’ investigazzjoni waqt telefonati mal-President Amerikan Donald Trump, il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel u l-President ta’ Franza, Emmanuel Macron.
Madankollu, Macron wieġeb li ‘l-urġenza għandha tingħata lill-isforzi globali biex tingħeleb din il-pandemija, qabel wieħed jipprova jsib min jaħti tassew għall-coronavirus’.
L-inizjattiva tal-Awstralja għal investigazzjoni indipendenti dwar l-oriġini u l-firxa tal-pandemija – kif ukoll dwar ir-reazzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) – qanqlet kritika qawwija min-naħa taċ-Ċina ( l-epiċentru oriġinali tal-virus) li akkużat lid-deputati tal-Parlament Awstraljan ‘b’li qed jieħdu l-istruzzjonijiet mingħand l-Istati Uniti’.
Il-coronavirus ġdid, li qed jingħad li feġġ f’suq ta’ Wuhan, kien irrappurtat miċ-Ċina lill-WHO għall-ewwel darba fl-aħħar ta’ Diċembru.
Intant, il-WHO infurmat lill-Istati membri dwar il-pandemija fil-5 ta’ Jannar u, ġimgħa wara, wissiet pubblikament li kien hemm ‘trasmissjoni limitata’ ta’ infezzjonijiet minn bniedem għall-ieħor. L-uffiċjali tal-WHO waslu f’Wuhan fl-20 ta’ Jannar wara li l-virus laħaq infirex għal tliet pajjiżi oħra, bl-organizzazzjoni tiddikjara emerġenza globali fit-30 ta’ Jannar.
.
//= $special ?>