Diversi aspetti dwar l-imxija tal-Coronavirus f’Malta kienu diskussi waqt laqgħa bejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u s-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika il-Professur Charmaine Gauci.
F’din il-laqgħa kien diskuss fost oħrajn il-mudell li Malta qed nimxu fuqu f’dak li għandu x’jaqsam il-peak ta’ każijiet f’pajjiżna.
Charmaine Gauci saħqet li l-awtoritajiet tas-saħħa qed jimxu mal-mudell li qed jintuża f’Hong Kong u mhux ma’ dak Amerikan.

Il-mudell Amerikan jgħid li Malta laħqet il-quċċata matul il-ġurnata f’nofs din il-ġimgħa, iżda s-Suprintendent tas-Saħħa qalet li qed jintuża l-mudell ta’ Hong Kong, għaliex huwa iktar ibbażat fuq popolazzjoni b’densita simili għal ta’ pajjiżna u għalhekk il-quċċata tal-madra għadha ma ntlaħqitx.
Hi mill-ġdid appellat biex kulħadd iżomm mal-linji gwida li ħarġu mill-awtoritajiet, biex naċċertaw li n-numri f’Malta jibqgħu baxxi.

Flimkien mal-Professur Gauci, preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Virologu Chris Barbara li min-naħa tiegħu tkellem dwar numru ta’ testijiet tad-demm li qed isiru fil-laboratorji rigward immunità ghall- persuni li fiequ.

Il-Kap tal-PN rringrazzja lill-Professur Gauci u l-Virologu Chris Barbara għax-xogħol tagħhom, kif ukoll lit-team kbir li qiegħed fuq quddiem fil-ġlieda ta’ pajjiżna kontra dan il-virus.
Akkumpanjaw lil Adrian Delia waqt din il-laqgħa il-kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija Claudio Grech.

