Lokali Parlament

Is-smiegħ elettroniku għandu jibqa’ jsir

– Toni Bezzina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina appella fil-parlament biex is-smiegħ elettroniku jissaħħaħ biex dawn ikunu jistgħu jibqgħu jsiru wara li tgħaddi l-pandemija.

Toni Bezzina qal li fiċ-ċirkustanzi li jinsab fihom il-pajjiż l-użu ta’ mezzi elettroniċi biex ikomplu jinstemgħu dawn il-bordijiet kien bżonn u l-Oppożizzjoni taqbel li s-smiegħ f’ dawn iċ-ċirkustanzi jsir b’ mod elettroniku. In-nuqqas li sar hu li dan l-Avviż Legali daħal fis-seħħ mingħajr il-konsultazzjoni neċessarja u għalekk nuqqasijiet f’ dan l-Avviz Legali ma kienux indirizzati kif inhu xieraq.

L-Oppozizzjoni Nazzjonalista ilha snin tinsisti li għandna naqilbu fuq sistemi elettroniċi, basta r-regoli li jstabilixxu tali qalba jkunu ċari u b’ mod li jissalvagwardjaw lil kulħadd.

Wara l-ftuh mill-ġdid tal-Parlament wara il-vaganzi tal-Għid, kellna diskussjoni fuq jumejn fil-Plenarja dwar l-emendi ghal Abozz numru 125 dwar it-Tribunal tar-Reviżjoni tal-Ambjent u Ippjanar, diskussjonijiet li waqthom gew suġġeriti diversi emendi mill-Oppożizzjoni għal dan l-Abbozz u li b’ diskussjoni wiesa’ bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dan l-Abbozz ġie emeljorat għalkemm sfortunatament klawsola ta’ salvagwardja għal dawk kollha involuti f’ appell ma ġietx milqugha mill-Gvern. Però, fil-każ tal-AL 109 tal-2020 is-sitwazzjoni kienet agħar.

Waħda min-nuqqasijiet li fih dan l-avviz legali hi n-nuqqas ta’ konsultazzjoni serja ma’ dawk kollha involuti f’kull applikazzjoni li tkun qeda tiġi assesjata waqt hearing. Dan b’ mod speċjali meta jkunu involuti objectors fir-rigward ta’ xi applikazzjoni.

Waqt hearing fiżiku ta’ każ, kull objector jista’ jkun prezenti biex iressaq l-oġġezzjonijiet tiegħu lill-board. Kif tressaq dan l-AL tagħmel dan ftit diffiċli, u għal diversi raġunijiet. Fosthom, jekk objector ma jkollux l-infastruttura neċessarja tal-internet; ma jkollux computer jew ma jkunx verged fuq din it-teknologija.

Skond il-ministru, min ma jkollux aċċess għas-smiegħ elettroniku, l-Awtorità qed tipprovdi l-infrastruttura neċessarja fil-bini tal-Awtorità stess u għalhekk l-individwu jkun jista jmur hemmhekk u jsegwi il-proċess hemm. Li ma semmiex il-ministru hu x’ jigri jekk l-objector ikkonċernat ikun ‘il fuq minn 65 sena jew persuna vulnerabbli, u għalekk ma jkunx jista’ joħroġ minn daru?

Il-ministru irribatta għal dan billi qali li f’ dan il-każ, din il-persuna tqabbad perit tal-fiduċja tagħha. Huwa ġust li objector għandu jidhol fi spejjeż żejda billi jkollu jqabbad perit jirrapreżentah? Għaliex, speċjalment fuq f’każijiet fejn hemm objectors, ma għandux ikun hemm qbil bejn l-applikant u l-objectors jekk hearing ta’ applikazzjoni tinstemax b’mod elettroniku jew b’ mod fiżiku?

Applikazzjonijiet li għalihom ikun hemm objectors huwa relattivament żgħir u għalhekk ma nistax nifhem x’raġuni jista’ jkun hemm li l-Gvern jaċċetta din l-emenda għal dan l-avviż legali.

Is-smiegħ tal-bordijiet b’ mod elettroniku issa ilu għaddej għal dawn l-aħħar tlett ġimgħat u għalhekk wieħed jista’ japprezza aħjar d-diffikultajiet li wieħed jiltaqa’ magħhom waqt s-smiegħ, b’ mod speċjali għall-objectors.

Il-prassi illum hi li qabel ikun imissek biex tinstema’ l-applikazzjoni li jkollok interess fiha, kemm bħala applikant jew bħala objector, il-link biex tkun tista’ taċċessa il-board tintbgħatlek ftit minuti qabel. Il-problema prinċipali hi li l-link tintbgħat lill-perit tal-applikant jew objector biss, però mhux lill-applikant u l-objector wkoll. Għalhekk, dan jista’ joħloq żvantaġġ għal min ikollu dritt jagħmel ir-rappreżentazzjonijiet tiegħu waqt is-smiegħ. Għalekk, l-aċċess għandu jingħata lil kull parti interessata, inkluż l-applikanti kif wkoll l-objectors u mhux lil periti tagħhom biss.

Problema oħra hi f’ każ li jkun hemm xi tip interruzzjoni tal-video conferencing waqt is-smiegħ kemm f’każ tal-applikant kif wkoll ta’ min ikun qiegħed joġġezzjona, jew ir-rapreżentanti tagħhom. Dan għandu jwassal għas-sospensjoni immedjata ta’ dan is-smiegħ sakemm il-partijiet interessati jirnexxielhom jerġghu jikkonetjaw. Mhuwiex ġust li il-board jibqa’ għaddej bis-smiegħ f’każ li tintilef il-konnettività. B’hekk biss persuna jista’ jkollha serħan ir-ras li s-smiegħ ikun wieħed xieraq u ġust.

Barra minn hekk, hemm problemi wkoll jekk perit ta’ applikant ikun irid jissottometti informazzjoni waqt is-smiegħ. Il-faċilitajiet preżenti li bihom qed isir s-smiegħ jillimita dan, u għalhekk għandu jsir dak kollu neċessarju li dak li jsir waqt smiegħ fiżiku, jkun jista’ jsir waqt smiegħ elettroniku.