Il-Gwardja Rivoluzzjonarja tal-Iran, fl-aħħar sigħat, qalet li tellgħet ‘b’suċċess’ l-ewwel satellita militari (tal-pajjiż) fl-orbita. Dan it-tragward intlaħaq fi żmien ta’ tensjoni akuta bejn ir-reġim f’Tehran u l-Istati Uniti, bl-Amerikani qed ikomplu bil-pressjoni fuq l-Iran minħabba l-programmi nukleari u missilistiċi tiegħu.
L-Amerikani huma mħassbin li t-teknoloġija ballistika li l-Iran qed juża għal dawn is-satelliti kapaċi sservi wkoll għal xi attakk bil-warheads nukleari mill-Istat fundamentalista. L-Iranjani, intant, qegħdin jiċħdu li l-attivitajiet tagħhom huma, fil-fatt, ‘koperta’ għall-iżvilupp ta’ missili ballistiċi, huma u jinsistu li qatt ma kellhom proġetti għall-produzzjoni ta’ armi nukleari.
Intant, is-satellita militari bl-isem Noor (‘Dawl’) telgħet minn zona qalb id-deżert tal-Iran, fi proġett meqjus bħala sfida diretta lill-Istati Uniti. Dan meta Washington jinsisti li dawn il-provi mill-Iran qegħdin imorru direttament kontra riżoluzzjoni speċifika tan-Nazzjonijiet Uniti.
Ir-riżoluzzjoni tesiġi biex l-Iran ma jidħolx għal attivitajiet jew proġetti relatati għal missili ballistiċi li kapaċi jġorru elementi nukleari għal xi skop militari. L-attivitajiet koperti mir-riżoluzzjoni jalludu wkoll għal ‘proġetti biex jittellgħu il-missili permezz tat-teknoloġija ballistika.
//= $special ?>