L-istampa tal-Korea ta’ Fuq komunista ma semmiet xejn dwar il-kundizzjoni tal-Mexxej, Kim Jong-un, jew dwar il-lokalità attwali tiegħu. Dan meta rrankat l-ispekulazzjoni dwar Kim li jingħad li qed ibati minn marda gravi wara li għadda minn proċedura kardjovaskulari.
Intant, l-istampa komunista qed tiċċirkola ritratti u rapporti dwar ‘il-kisbiet ta’ Kim’ waqt li tipprova tikkonvinċi lill-poplu li ‘kollox għaddej bħas-soltu’.
Fl-istess ħin, uffiċjali taċ-Ċina u l-Korea t’Isfel qegħdin jiddubitaw ‘ir-rapporti speċifiċi dwar is-sitwazzjoni ta’ Kim Jong-un’, waqt li l-White House, fl-Istati Uniti, ikkonferma li qed isegwi bir-reqqa ‘is-sitwazzjoni fi Pyongyang’.
Mill-banda l-oħra, il-President Amerikan, Donald Trump – li fl-2018 u l-2019 kellu laqgħat bla preċedent ma’ Kim f’tentattiv biex iġiegħel lill-Mexxej komunista jwarrab għall-armi nukleari – qal li r-rapporti dwar l-allegati problemi tas-saħħa ta’ Kim Jong-un ma kenux ikkonfermati u li, fil-fehma, tiegħu, mhumiex jidhru daqstant kredibbli.
Dan minkejja li l-istazzjon CNN ikkwota uffiċjal Amerikan ( mhux identifikat) li qal li l-Istati Uniti ‘qed tevalwa data sigrieta li tindika li Kim Jong-un jinsab f’periklu kbir li jitlef ħajfu wara l-kirurġija’. Numru ta’ sorsi qrib il-Gvern tal-Korea t’Isfel, intant, ċaħdu għar-rapport tas-CNN.
Madankollu, l-ebda element tal-istampa fil-Korea ta’ Fuq ma rrapporta dwar il-lokalità ‘speċifika’ ta’ Kim Jong-un. Dan wara li l-websajt Daily NK, tal-Korea t’Isfel, irrapporta, fil-bidu tal-ġimgħa, li ‘Kim kien ittieħed l-isptar f’nofs dan ix-xahar biex issirlu l-proċedura kardjovuskolari’. Qed ikun allegat li s-saħħa ta’ Kim qalbet għall-agħar b’riżultat ta’ tipjip kontinwu u fatturi ta’ obeżità.
Min-naħa tagħhom, l-esperti dwar il-Korea ta’ Fuq qed jgħidu li diffiċli biex wieħed jaċċerta mill-fatti konkreti dwar il-kundizzjoni ta’ Kim. Madankollu, l-assenza bla preċedent tiegħu (fl-aħħar jiem) waqt avvenimenti pubbliċi ewlenin fil-Korea ta’ Fuq jindikaw li ‘hemm xi ħaġa ħażina’.
Anki s-silenzju tal-istampa fi Pyonguyang qed jitqies bħala ‘straordinarju’ għaliex din, is-soltu, ma titlifx żmien biex ixxejjen kull għajdut u dubju dwar it-Tmexxija ta’ Kim, irrispettivament mis-sors.
//= $special ?>