Lokali Saħħa

L-Oppożizzjoni b’mozzjoni biex jiġi kkanċellat il-ftehim tat-tliet sptarijiet

Il-Partit Nazzjonalista jressaq mozzjoni fil-Parlament għall-interess nazzjonali

Il-PN qed jinsisti mal-Gvern biex minnufih jieħu l-passi neċessarji ħalli jikkanċella, jannulla u jħassar il-ftehim li permezz tiegħu l-Gvern Malti ta t-tliet sptarijiet tal-Pubbliku, l-isptar San Luqa, Karen u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, lil Vitals u Steward.

Dan qiegħed jagħmlu permezz ta’ mozzjoni li l-Oppożizzjoni resqet fil-Parlament iffirmata mill-Kap tal-PN Adrian Delia, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Robert Cutajar, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri, u l-Kelliem għall-Governanza Tajba Karol Aquilina.

L-Oppożizzjoni qed tikkundanna bis-sħiħ il-ftehim li kien sar dwar dawn it-tliet sptarijiet u tikkundanna wkoll bis-sħiħ l-aġir ta’ Konrad Mizzi u l-Gvern Laburista, kontra l-interess nazzjonali, permezz ta’ dan il-ftehim.

Il-mozzjoni ttenni li minbarra li tikkundanna l-eks Ministru f’Kastilja Konrad Mizzi, tinsisti li din il-materja hi fl-interess tal-pubbliku.

Il-mozzjoni tfakkar li fil-ftehim datat fis-27 ta’ Awwissu 2019 jobbliga lill-Gvern Malti jħallas lill-operaturi tat-tliet sptraijiet pubbliċi s-somma ta’ mitt miljun ewro minn flus il-poplu Malti biex jieħu lura dawn it-tliet sptarijiet, ikunu xi jkunu r-raġunijiet.

Il-PN mill-ġdid fakkar li kien il-Kap tal-PN Adrian Delia illi fetaħ kawża fil-Qorti biex il-kuntratt li kien sar fl-2015 mill-Gvern ta’ Joseph Muscat, li bih ċeda u ta dawn it-tliet sptarijiet pubbliċi lill-barranin, ikun imħassar u li dawn it-tliet sptarijiet jingħataw mill-ġdid kif inhu xieraq lill-poplu Malti u Għawdxi.