Sport Sport Ieħor

MINUTA MILL-PASSAT: Is-suċċess taċ-ċiklist Chris Hoy fl-Olimpjadi tal-2008

Olimpjadi ta’ Beijing 2008

Ir-rebħ ta’ tliet medalji tad-deheb fuq medda ta’ ħamest ijiem huma l-kredenzjali taċ-ċiklist Britanniku Chris Hoy u dak li wettaq fl-Olimpjadi ta’ Beijing fl-2008. Sa kemm wasal għar-rebħ tal-medalji, kiseb tmintax-il rebħa konsekuttiva, tant li l-anqas l-għawwiem Michael Phelps qatt ma rebaħ il-heats kollha fil-proċess tar-rebħ ta’ midalji, .

Il-midalji ta’ Hoy waslu 100 sena wara dak li kien wettaq l-għawwiem Henry Taylor fl-Olimpjadi tal-1908. Is-suċċess ta’ Chris Hoy f’Beijing kien il-qofol tas-suċċess Britanniku f’dik l-edizzjoni tal-Olimpjadi, fejn l-Ingilterra fiċ-ċikliżmu, rebħet seba’ midalji tad-deheb, tlieta tal-fidda u tnejn tal-bronż. L-akbar suċċess f’dixxiplina Olimpika għall-isport Britanniku.

Fatt kurjuż seħħ wara l-aħħar suċċess ta’ Hoy meta fid-dawra ta’ ċelebrazzjoni, wieħed mill-mechanics tah il-flixkun biex jixrob, bid-differenza li kien mimli bil-birra Belġjana. Għal Hoy kienet l-ewwel xarba alkoħolika għalih mill-Kampjonati tad-Dinja li kienu saru ħames xhur qabel. Fil-ġranet ta’ wara, il-birra saret xampanja taċ-ċelebrazzjoni bir-rebħ ta’ tliet midalji Olimpiċi.