Lokali Parlament

Mozzjoni tal-PN dwar l-isptarijiet se tkun diskussa fil-Parlament

Opportunità biex id-deputati jivvutaw favur li l-isptarijiet jerġgħu jsiru tal-Maltin

Mozzjoni li l-PN ressaq fil-parlament permezz tal-Kap tal-PN Adrian Delia dwar l-isptarijiet se tkun diskussa fil-parlament nhar il-Ħamis 30 ta’ April 2020.

Dan kien stabbilit fil-parlament permezz ta’ intervent tal-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ppreżenta din il-mozzjoni lill-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia.

F’din il-mozzjoni l-PN qed jinsisti li l-parlament jivvota favur li l-isptarijiet San Luqa u Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jittieħdu mingħand il-kumpanija Steward u jerġgħu jsiru sptarijiet tal-poplu Malti.

Il-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni

Dan wara li din il-privatizzazzjoni ma wasslitx għall-modernizzar tal-isptarijiet waqt li l-poplu Malti spiċċa ħallas madwar €250 miljun lill-istess kumpanija privati barranin.

Permezz ta’ din il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni, id-deputati kollha se jkollhom l-opportunità li jivvutaw favur biex l-isptarijiet jerġgħu isiru tal-Maltin.

Il-Gvern qabel li l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni tkun diskussa nhar il-Ħamis 30 ta’ April 2020.