Lokali

Stqarrija maħruġa minn Jason Azzopardi

Wara konsultazzjoni u bi qbil mal-għaqda Repubblika, l-avukat Jason Azzopardi ftit tal-ħin ilu ħabbar li irrinunzja l-inkarigu li jassisstihom fil-każ li hemm pendenti bħalissa b’rabta ma’ xi membri tal-Armata.

Fi stqarrija, Jason Azzopardi qal illi l-Prim Ministru Robert Abela qed imexxi kampanja razzista u orkestrata biex jintimida lil kull min jiqaflu.

Hu insista illi ma jrid li b’ebda mod x-xogħol professjonali tiegħu bħala avukat jintuża mill-Prim Ministru bħala arma biex jaljena l-poplu u biex jattakka l-Oppożizzjoni u lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

Għalkemm stqarr illi ma jħossx li hemm kunflitt ta’ interess,  din il-kontroversja kienet qed tagħmilhielu diffiċli li jaqdi  żewġ funzjonijiet fl-istess ħin.

Id-deputat Jason Azzopardi iddikjara li jekk ikun hemm każijiet  oħra fil-futur li jistgħu jkunu politikament sensittivi, hu jimpenja ruħu li jikkonsulta mat-tmexxija  tal-Partit Nazzjonalista qabel jaċċetta tali inkarigi legali

Intant, fi stqarrija separata, il-Partit Nazzjonalista qal illi japprezza l-ġest ta’ irġulija muri mill-istess Jason Azzopardi li ma setax jittolera sitwazzjoni fejn ix-xogħol professjonali tiegħu, kontra kull prinċipju tad-demokrazija, jintuża bl-aktar mod qarrieqi  kontra l-Oppożizzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista mhux se jittolera sitwazzjoni fejn iħalli lill-Gvern jipprova jifred lill-poplu Malti minflok ma jgħaqqad.