Lokali

Virtu Ferries b’kontejner tal-ikel għall-Caritas

Hekk kif il-pandemija tal-Coronavirus qed tkompli żżid id-diffikultajiet għal għadd ta’ persuni – mhux b’anqas mill-aspett soċjali fuq dawk li jifilħu l-anqas – diversi kumpaniji qed joffru r-riżorsi tagħhom biex jagħtu daqqa ta’ id lil dawk fil-bżonn.

U allura, qed tkompli tispikka l-qalb ġeneruża tal-Maltin u l-Għawdxin f’sitwazzjoni bħal din li titlob minn kulħadd l-għaqda nazzjonali.

Wahda mill-aktar inizjattivi li ġibdet tifħir, kienet l-għajnuna offruta mill-kumpanija lokali Virtu Ferries, li fl-aħħar jiem tat donazzjoni ta’ kontejner ta’ 40 pied mimli b’ikel essenzjali lill-Caritas Malta.

Min-naħa tagħha, l-għaqda fi ħdan il-Kurja tal-Arċisqof ilha tqassam ikel u materjal meħtieġ ieħor lill-familji fil-bżonn … u mhux b’anqas f’dan iż-żmien fejn, sfortunatament, qed naraw aktar problemi soċjali jgħollu rashom, fosthom il-qgħad u diffikultajiet biex familji jħallsu l-kirjiet ta’ fejn joqgħodu.

NET News tkellem ma’ Albert Debono, il-Kap tal-Unit Djakonija tal-Parroċċi fi ħdan Caritas Malta, li spjega kif għajnuna bħal din hi essenzjali għal persuni li jkunu waqgħu lura.

Din hi ħidma li l-Parroċċi f’Malta u Għawdex ilha tagħmel għal diversi xhur u snin flimkien ma’ entitajiet soċjali oħrajn tad-Djoċesi – bħall-Fondazzjoni Jean Antide, il-Fondazzjoni Sebħ, il-Millenium Chapel u l-Paolo Freire Institute.

Mal-wasla f’pajjiżna abbord il-vapur San Ġwanni Pawlu t-Tieni tal-Virtu Ferries, il-kontejner tal-istess kumpanija twassal fiċ-Ċentru Parrokkjali tal-Kalkara, fejn inħatt minn diversi Saċerdoti, Djaknu, Seminaristi u Voluntiera oħrajn.

F’kumment, il-Kappillan tal-Kalkara Dun Brian Gialanze irringrazzja lill-kumpaniji privati li qed joħolqu dawn l-inizjattivi, iżda wkoll lil għadd ta’ voluntiera residenti fl-istess raħal, li qed jagħtu d-daqqa ta’ id tagħhom ukoll billi, pereżempju jipprovdu forklifter biex jitħaffef il-proċess tal-ġarr tal-merkanzija.

Min-naħa tagħha, Virtu Ferries ħabbret li qed toffri passaġġ b’xejn bejn Malta u Sqallija lil kwalunkwe organizzazzjoni li tixtieq tagħmel donazzjoni ta’ oġġetti essenzjali lil istituzzjonijiet ta’ karità f’Malta u fi Sqallija.

Kulmin jixtieq jieħu sehem f’din l-offerta hu mitlub jikkuntattja lill-kumpanija fuq in-numru +356 22069022 jew b’email fuq corona-info@virtuferries.com.

F’dan il-mument, Virtu Ferries ingħaqdet ukoll mal-pajjiż fir-ringrazzjament lejn il-ħaddiema tas-saħħa u dawk li jinsabu fuq quddiem fil-ġlieda kontra din il-pandemija.