Il-qawwiet tas-sigurtà Iżraeljani qatlu raġel Palestinjan ftit wara li hu kien ħebb għal pulizija u tah diversi daqqiet ta’ imqass qrib Ġerusalemm.
L-inċident seħħ fiz-zona ta’ checkpoint, bil-qawwiet Iżraeljani jiftħu n-nar fuq il-Palestinjan li kien saq il-vettura tiegħu direttament għal fuq il-pulizija li spiċċa mal-art mad-daqqa. L-aggressur, imbagħad ħareġ mill-karozza u ta salt lejn l-istess uffiċjal li rnexxielu jaħrab minkejja l-feruti li ġarrab.
L-awtoritajiet Iżraeljani, wara, ikkonfermaw li l-qawwiet fl-inħawi ‘wieġbu minnufih għall-emerġenza u eliminaw lit-terrorista’. Ma ngħatawx dettalji dwar l-identità tal-aggressur.
L-aħħar rapporti qalu li l-pulizija li spiċċa attakkat qed isofri minn ġrieħi moderati. Iz-zona fejn seħħ l-attakk tinsab qrib ir-residenza ta’ Maale Adumim, għal-Lhud, u bil-qawwiet tas-sigurtà, fl-aħħar ħinijiet, jiżvelaw ukoll li sabu xi tagħmir splussiv fl-istess inħawi.
Dawn l-attakki fuq il-pulizija u l-militar ta’ Iżrael huma komuni fix-Xatt tal-Punent. Intant, aktar kmieni fil-ġimgħa, il-qawwiet ta’ Iżrael ikkontrollaw sitwazzjoni fejn numru ta’ Palestinjani kienu qed iwaddbu l-bombi tan-nar lejn vetturi tal-Iżraeljani.
//= $special ?>