23 TA’ APRIL 1983
Il-festi Ħamruniżi laħqu l-qofol tagħhom bħal-lum 37 sena hekk kif kienu nkurunati champions f’dak li kien l-ewwel kampjonat mirbuħ taħt il-Presidenza ta’ Victor Tedesco. Ħamrun kienu ilhom ma jirbħu l-kampjonat mill-istaġun 1946/47 u għalhekk il-ġurnata tat-23 ta’ April kienet waħda importanti għall-Ħamruniżi kollha. Huma għelbu lil Floriana 2-0 fl-aħħar konfront u temmew il-kampjonat bla telfa b’10 rebħiet u erba’ draws. Skorjaw 23 gowl, sofrew erba’ gowls biss u spiċċaw il-kampjonat b’24 punt, tmienja aktar minn Valletta u Rabat.
Ħamrun fetħu l-iskor wara biss minuta u għaxar sekondi. Minn free-kick ta’ Peter Hatch, George Xuereb qassam lura b’daqqa ta’ ras lejn LEO REFALO li b’xutt mill-qrib għeleb lil Gatt. L-Ispartans saħansitra rduppjaw fis-seba’ minuta. F’azzjoni mibdija minn throw-in fit-tul ta’ Hatch, Xuereb niżżel lejn MICHAEL DEGIORGIO li b’rovvexjata mill-isbaħ skorja b’konklużjoni fil-baxx.
Dan il-gowl kompla l-festa ta’ Ħamrun hekk kif tul il-konfront bdew jistennew it-tisfira finali. Fi tmiem il-partita, il-partitarji ta’ Ħamrun invadew il-grawnd bi bnadar f’idejhom fejn ferħu mal-plejers tagħhom. Il-mument tant mistenni wasal, bil-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien George Abela jippreżenta t-trofew Johnnie Walker lill-captain ta’ Ħamrun Spartans George Xuereb.
//= $special ?>