Futbol Sport

43 SENA ILU: Floriana jiċċelebraw ir-rebħ tal-24 kampjonat mingħajr telfa

(Ritratt: Sunday Times)

23 TA’ APRIL 1977

Floriana ċċelebraw ir-rebħ tal-24 kampjonat b’rebħa fl-aħħar konfront kontra Ħamrun Spartans bl-iskor ta’ 2-1. Fil-ħarġa ta’ In-Nazzjon l-għada tal-logħba, ġie deskritt li ma kienx hemm is-solita ċelebrazzjoni, f’perjodu fejn Floriana kienu ilhom numru ta’ logħbiet mingħajr telfa.

F’dak il-kampjonat, Floriana temmew bi 15-il rebħa u tliet draws, skorjaw 53 gowl u sofrew 12-il gowl għal total ta’ 33 punt, sitta aktar minn Sliema Wanderers. Qabel il-logħba, il-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien Giuseppe Mifsud Bonnici ppreżenta t-trofew Johnnie Walker lill-captain ta’ Floriana John Holland.

Il-President tla-MFA ta’ dak iż-żmien Giuseppe Mifsud Bonnici jippreżenta t-trofew Johnnie Walker lill-captain ta’ Floriana John Holland

Kienu Ħamrun li fetħu l-iskor fil-51 minuta meta Tony Demanuele dar ma’ George Ciantar u qassam lejn DOMENIC BORG li tar minn tulu u b’daqqa ta’ ras għeleb lil Sultana fir-rokna ta’ isfel. Floriana ġabu d-draw fil-65 minuta bi throw-in twil ta’ John Holland lejn RAY XUEREB li xeħet fix-xibka.

Ray Xuereb jiskorja l-gowl tad-draw għal Floriana (Ritratt: Sunday Times)

Floriana komplew jattakkaw u l-gowl tar-rebħa wasal ħames minuti mit-tmiem. Xuereb ħa ballun f’nofs il-grawnd, dar ma’ Salerno, qabeż tliet avversarji u tefa’ kross minn ħdejn il-bandiera tal-korner indirizzat lejn Wenzu Borg, iżda l-ballun ħabat ma’ Godwin Borg u baqa’ dieħel fix-xibka.

L-awto-gowl ta’ Godwin Borg li wassal għar-rebħa ta’ Floriana (Ritratt: In-Nazzjon)