Lokali

Adrian Delia jerġa’ jistieden lill-Prim Ministru biex jiffaċjah f’dibattitu

"Ejja nuru lin-nies li nħobbu lil Malta tagħna." - Adrian Delia b'reazzjoni għal dak li qal Robert Abela waqt il-programm XTRA fuq TVM

“Ilqa’ l-isfida tiegħi għal dibattitu” – Dan il-kien il-messaġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia b’reazzjoni għal siegħa oħra li qatta’ Robert Abela f’intervista waħdu fuq ix-xandir tal-istat. Għal darb’oħra mingħajr is-sehem tal-ġurnalisti, xi ħaġa li qed issir ta’ spiss.

F’post fuq Facebook, Adrian Delia saħaq li Robert Abela biddel Television Malta fit-tieni stazzjon tal-Partit Laburista filwaqt li nesa xejn inqas minn 110,000 ħaddiem Malti jistennew xi tip ta’ għajnuna biex joħorġu mill-kriżi tal-COVID-19. “Kienu qed jistennew li toħroġ għajnuna finanzjarja biex itaffu t-tbatija tagħhom imma m’għidtilhom xejn.” qal Adrian Delia.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr li n-nazzjon stenna li l-Prim Ministru jħabbar li se jħassar il-ftehim tal-Vitals u jirritorna l-isptarijiet lura lin-nies iżda dan ma sarx.

Adrian Delia saħaq li Malta stenniet lil Robert Abela jispjega kif se jirritorna l-immigranti li mhumiex eliġibbli għall-ażil għax iċ-ċentri ta’ detenzjoni tagħna huma mimlijin sax-xifer, iżda dwar dan il-Prim Ministru ma qal xejn.

“Il-familji stennew li tħabbar tnaqqis kbir fil-prezz tal-kontijiet tal-ilma u l-elettriku, wara li l-prezz taż-żejt niżel għal rekord storiku” kompla Adrian Delia b’reazzjoni għall-fatt li Robert Abela għadu s’issa jinjora dak li ilha titlob l-Oppożizzjoni għall-familji Maltin u Għawdxin.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni stqarr li Robert Abela għal darb’oħra gideb lin-nazzjon “qatt ma akkużajtek li int qattiel. Madankollu inti żgur li int giddieb” – Dan b’reazzjoni għal kummenti partiġġjani ma jispiċċaw qatt relatati mal-immigrazzjoni.

Kien għalhekk illi Adrian Delia ġedded l-istedina tiegħu għal dibattitu fuq it-televiżjoni mal-Prim Ministru biex ikunu n-nies li jiddeċiedu u jaraw min qed jgħid il-verità.

Finalment, Adrian Delia talab lil Robert Abela biex jirritorna lura lill-familji Maltin u Għawdxin il-garanzija ta’ 100,000,000 euro li ta lil Steward Healthcare. “Ejja nuru lin-nies li nħobbu lil Malta tagħna.” temm jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni.