L-Ingilterra rappurtat 514-il mewta oħra mill-coronavirus, bl-imwiet iseħħu kolha fl-isptarijiet tal-pajjiż. L-etajiet tal-pazjenti varjaw minn 31 għal 100 sena, b’16 fost l-aħħar vittmi (bejn is-37 u t-92 sena) ma jkollhom l-ebda problemi tas-saħħa preċedenti. F’Wales mietu 17 oħra mill-effetti tal-Covid-19.
Fir-Renju Unit, il-Gvern qed jaħseb biex iwaqqaf sistema ta’ tracking ( skrutinju) biex isir jaf kemm fost il-poplu setgħet qabdithom li-coronavirus – u x’tip ta’ immunità jista’ għandhom. Dan meta se jintbagħtu swab kits lil xi 300,000, b’uħud minn dawn jistgħu jkunu mitluba jagħmlu t-testijiet tad-demm huma stess. Intant, ħadd mhu jistenna li jara l-frott ta’ dan it-tragward — l-istess bħar-riżultati ta’ xi vaċċin ġdid u effettiv – qabel is-sena d-dieħla.
L-Olanda rappurtat 123 mejtin oħra mill-coronavirus fl-aħħar 24 siegħa, bl-ammont ta’ vittmi fil-pajjiż jilħaq l-4,177. In-numru tal-infezzjonijiet fl-Olanda żdied b’887 għal 35,729.
Fl-Iskozja, il-Ministru Ewlieni, Nicola Sturgeon, qalet li ħadd ma għandu jaħseb li jista’ jirritorna dalwaqt ‘għall-istat ta’ normalità li konna nafu qabel’. Hi spjegat li f’din is-sitwazzjoni tal-coronavirus wieħed irid jaddatta ruħu għall-mezzi li jżommu l-pandemija taħt kontroll. Sturgeon qalet li social distancing u kuntatti limitati man-nies iridu jkunu aċċettati bħala ‘stat ta’ fatt’ għal ħafna żmien. Dan meta l-Iskozja kkonfermat 58 mewta oħra mill-Covid-19.
L-Ambaxxatur taċ-Ċina għar-Renju Unit, Liu Xiaoming, qal li l-coronavirus ‘ma jiddiskriminax bejn ir-razzez’ u wissa li ‘ma twassal imkien l-ossessjoni ta’ uħud biex iwaħħlu f’ħaddieħor għall-pandemija preżenti’. Il-President Amerikan, Donald Trump, ftit ilu rrefera għall-Covid-19 bħala ‘il-virus taċ-Ċiniżi’ u Xiaoming sostna li ‘dan il-livell ta’ arroganza u insolenza jservi biss biex jgħarraq il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi’. Intant, iċ-Ċina ma rappurtat l-ebda imwiet ġodda mill-Covid-19 għat-tmien jum konsekuttiv.
Il-Peru qed jaħseb biex jeħles mat-3,000 ħabsi li jinsabu fl-akbar sogru li jisfaw infettati bil-Covid-19. Il-Ministeru tal-Ġustizzja qal li se tingħata amnestija lill-priġunieri nisa fi stat ta’ tqala — l-istess bħall-priġunieri nisa li huma ommijiet u priġunieri li għandhom ‘il fuq minn 70 sena.
Ir-Repubblika Ċeka qed taħseb dwar il-pass li jmiss wara li l-aħħar statistika ma żvelat l-ebda qabża fil-każi tal-coronavirus għal waqt il-btajjel tal-Għid. Il-pajjiż, s’issa, ikkonferma 208 mewta u ‘il fuq minn 7,000 każ ta’ infezzjoni u l-indikazzjonijiet huma li ‘il-ħajja f’dan il-pajjiż tista’ tibda tirritorna, bil-mod, għan-normal’ — avolja l-awtoritajiet jippreferu l-prudenza fiċ-ċirkustanzi.
Spanja rreġistrat 440 vittma oħra mill-coronavirus, biċ-ċifra tal-mewt f’dan il-pajjiż jaqbeż l-22,000. Dan kien it-tielet jum konsekuttiv fejn kienet innutata żieda żgħira fir-rata tal-imwiet. Intant, kienu rappurtati ftit aktar minn 4,600 każ ieħor ta’ infezzjoni fl-istess pajjiż.
It-Turkija bdiet lockdown għal erbat ijiem tul 31 provinċja, iżda numru ta’ ħaddiema u stabbilimenti huma eżenti minn din id-direttiva.
Il-Bosnia-Herzegovina hi fost il-ftit pajjiżi li qed iżżommu lit-tfal milli joħorġu mid-djar minħabba l-kriżi tal-virus. Intant, l-ogħla qorti fil-pajjiż, issa, qalet li l-miżuri li jillimitaw il-movimenti tat-tfal u l-pensjonanti huma anti-kostituzzjonali; bl-awtoritajiet f’Sarajevo jingħataw sa ħamest ijiem biex ineħħu l-miżura.
//= $special ?>