Coronavirus Lokali

“Hawn min verament qed iħoss il-morsa tagħfas” – President ta’ Malta George Vella

“Kulħadd jgħid..kif ser nagħmel biex nibqa’ ngħix b’dinjità?”

“Hawn min verament qed iħoss il-morsa tagħfas”. Hekk sostna l-President tar-Repubblika ta’ Malta George Vella f’intervista li saritlu fuq il-midja soċjali minn Bay Chats.

Il-President saħaq li hawn ħaddiema li qed iħabbtu wiċċhom ma’ problemi ta’ saħħa mentali wara li tilfu xogħolhom jew spiċċaw b’paga ridotta u ma jafux kif ser isostnu l-familja tagħhom, “Kulħadd jibda jgħid, isma, kif ser nagħmel sagrifiċċju biex nibqa’ ngħix b’dinjità?”

Dan ingħad wara li dalgħodu l-Ministru għall-Familja Michael Falzon stqarr li ma jistax jemmen kif hawn min ser ifalli wara 7 snin ta’ ekonomija tajba.

Il-President ta’ Malta sostna wkoll li mhux dawk li tilfu l-impjieg tagħhom biss qed jesperjenzaw problemi ta’ saħħa mentali iżda ankè tfal li spiċċaw maqtugħin mir-rutina tas-soltu wara l-għeluq tal-iskejjel kif ukoll studenti universitarji li għadhom mifnija bl-inċertezza dwar x’ser isir mill-eżamijiet tagħhom. Il-President George Vella sostna wkoll li l-anzjani tagħna spiċċaw fis-solitudni u għandna bżonn nieħdu ħsiebhom.

B’rabta mal-kriżi li nxteħtu fiha l-Gżejjer Maltin kawża tal-pandemija, il-President George Vella saħaq li minħabba l-fatt li xi persuni spiċċaw bla xogħol, kif ukoll li numru ta’ negozji ħadu daqqa finanzjarja qawwija, huwa jinsab imħasseb dwar kif il-Malta Community Chest Fund Foundation ser tiġbor l-għotjiet li kienu jingħataw.

Dan, kompla l-President tar-Repubblika, ankè minħabba l-fatt li għadu mhux magħruf jekk ser ikunu jistgħux isiru attivitajiet tal-massa bħal Rockestra ġaladarba jissoktaw l-miżuri ta’ social distancing wara li noħorġu minn din il-kriżi pandemika.