Futbol Sport

26 SENA ILU: Hibernians jissiġillaw ir-rebħ tas-seba’ kampjonat b’rebħa kontra Valletta f’logħba mill-isbaħ

(Ritratt: In-Nazzjon)

23 TA’ APRIL 1994

Hibernians issiġillaw ir-rebħ tas-seba’ kampjonat u l-ewwel wieħed wara 12-il sena. Fil-logħba deċiżiva għelbu lil Valletta 4-3 f’logħba li tibqa’ msemmija bħala waħda mill-klassiċi tal-futbol Malti. Logħba spettakolari li żgur ma ddiżappuntatx lil dawk li kienu preżenti, b’livell tajjeb ta’ futbol.

Valletta kellhom bżonn rebħa bilfors, ħarġu tajjeb u ddominaw l-ewwel 45 minuta fejn anki bnew vantaġġ doppju. Huma marru fil-vantaġġ fl-20 minuta. JEFFREY CHETCUTI ħabbat il-ballun ma’ Joe Zarb, baqa’ dieħel fil-kaxxa u b’xutt preċiż għeleb lil Mario Muscat. Sitt minuti wara l-iskor sar 2-0. Muscat blokka parzjalment free-kick ta’ Jesmond Zerafa, il-ballun spiċċa f’saqajn Gilbert Agius, bix-xutt deher destinat għal barra sakemm JOE ZARB irnexxielu jitfa’ l-ballun fix-xibka b’daqqa ta’ ras.

(Ritratt: In-Nazzjon)

Hibernians dehru demoralizzati iżda daħlu fil-logħba b’gowl fil-ħin miżjud qabel il-mistrieħ. Minn korner ta’ Robert Docherty, Slobodan Janjus blokka parzjalment u minn daqqa ta’ ras, il-ballun spiċċa f’saqajn GEORGE LAWRENCE li minn quddiem il-lasta ma setax ifalli. Il-Pawlisti ġabu d-draw fil-55 minuta. DAVID CARABOTT ħa vantaġġ minn ħarġa ħażina ta’ Janjus u skorja f’lasta vojta. Il-logħba ħadet żvolta, Hibernians bdew ikunu aktar perikolużi bil-ħarbiet ta’ Lawrence u Zacchau.

Iżda f’nofs it-tieni taqsima, Valletta reġgħu marru fil-vantaġġ meta Gilbert Agius ħa l-ballun mingħand Carabott, avvanza fuq il-lemin u xeħet kross lejn JASON KABIA li għeleb lil Muscat b’xutt fil-baxx. Sa dak il-ħin, Valletta kellhom żewġ punti fuq Hibernians b’logħba għal tmiem il-kampjonat. Iżda t-tim immexxi minn Brian Talbot kellu ħsibijiet oħra għaliex dawwar l-iskor fi ftit minuti.

Michael Taliana jagħmel l-iskor 3-2 favur Hibernians (Ritratt: In-Nazzjon)

Fil-71 minuta l-iskor sar 3-3 meta MICHAEL TALIANA kien dieħel tajjeb u rċieva mingħand Zacchau biex poġġa l-ballun fix-xibka. Il-gowl importanti li fisser ir-rebħ tal-kampjonat għal Hibernians wasal tliet minuti wara. Lawrence ħa ballun fin-nofs u b’passaġġ preċiż qassam lejn CARL ZACCHAU li wara li ġera ftit bil-ballun, għeleb lil Janjus b’xutt qawwi u ċentrali. B’dan il-gowl, Valletta kellhom bżonn żewġ gowls biex jibqgħu jittamaw u Hibernians irnexxielhom jikkontrollaw l-aħħar minuti. Fi tmiem id-90 minuta, ċelebrazzjoni kbira mill-partitarji tat-tim minn Raħal Ġdid.