Edukazzjoni Lokali

Il-Librerija tal-Istellini tqassam kotba lit-tfal li bħalissa miżmumin id-dar

Bil-kotba moħħok iterraq lejn dinjiet ġodda u eċitanti. Minħabba f’hekk, il-Malta Foundation for the Wellbeing of Society issieħbet mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu biex tgħin lit-tfal jużaw aħjar il-ħin matul dawn il-ġranet ta’ iżolazzjoni soċjali. 

Il-Librerija tal-Istellini (The Little Stars Library), li tnediet illum fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ktieb, hija inizjattiva li permezz tagħha u tal-Food Aid Project se jitqassmu kotba mal-pakketti tal-ikel ta’ emerġenza bil-għan li jferrħu lit-tfal.  

Il-Kap tal-Fondazzjoni Marie-Louise Coleiro Preca qalet: “Il-kotba minn dejjem kienu għeżież għalija. B’din l-inizjattiva nittama li nħeġġu l-imħabba għall-qari f’dawk it-tfal li m’għandhomx aċċess għall-kotba.” 

Il-Librerija tal-Istellini tnebbħet mis-sessjonijiet ta’ qari li kienu jsiru fil-Ġnien Sigriet miċ-Children’s Hub. Din l-inizjattiva qiegħda tiġġedded biex nagħtu appoġġ lit-tfal billi ngħiunhom jiżviluppaw il-kreattività u l-ħiliet ta’ komunikazzjoni tagħhom. 

“Il-ħajja tissejjes fuq il-kliem. Il-qari għall-gost, f’dawn iż-żminijiet diffiċli fejn ikollna nżommu ’l bogħod minn xulxin, jista’ wkoll jagħti lok lit-tfal biex ifittxu il-kumpanija fid-dinja mill-isbaħ tal-kotba u l qari,” kompliet is-Sa Coleiro Preca.  

Minħabba li m’għadx hemm l-opportunità li t-tfal jissellfu l-kotba mil-libreriji pubbliċi u tal-iskejjel, iċ-Children’s Hub ħaseb f’modi alternattivi kif jistgħu jitqassmu l-kotba u ħareġ bl-idea li jingħataw il-kotba lit-tfal. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, is-Sur David Muscat, qal, “Aħna kburin li l-Aġenzija qiegħda tikkollabora mal-MFWS f’din l-inizjattiva fejjieda.

L-Aġenzija se tkun qiegħda tagħti kotba bil-Malti u bl-Ingliż għal tfal jew adoloxxenti bejn il-5 snin u 18-il sena. Barra minn hekk, l-Aġenzija se tkun qed tqassam fuljetti li tfasslu apposta biex it-tfal iżommu rendikont tal-kotba kollha li jkunu qraw u jiktbu xi ħaġa dwarhom.” 

“Matul dan iż-żmien bla preċedent, huwa importanti ħafna li t-tfal jibqa’ jkollhom aċċess għall-kotba tal-qari u jkomplu jaqraw kemm jifilħu. Permezz ta’ din l-inizjattiva, se nkunu qegħdin noffru opportunità lil kull tifel u tifla, speċjalment dawk li ġejjin minn familji żvantaġġjati, biex jissoktaw jaqraw,” qal is-Sur Muscat. 

X’għandu jagħmel min m’għandux kotba x’jaqra? Il-Librerija tal-Istellini għandha kotba xierqa għal persuni minn 5 snin sa 18-il sena. Min ikun jixtieq xi kotba, irid jimla formola sempliċi online li tinsab fuq il-paġni ta’ Facebook tal-Malta Foundation for the Wellbeing of Society u tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu. 

Għal iktar tagħrif dwar din l-inizjattiva, wieħed għandu jibgħat ittra elettronika lil littlestarslibrary@gmail.com jew iċempel 2598 2992.