Il-Ministru jbiddel l-istorja skont l-evidenza żvelata
Dokumenti pubblikati fl-aħħar jiem mill-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia juru li ftit inqas minn xahar qabel ma’ ħa l-Ministeru ta’ Marie Louise Coleiro Preca, Michael Farrugia laqa’ f’Kastilja lil Yorgen Fenech; l-imprenditur akkuzat bħala kompliċi fl-assassinju ta’ Caruana Galizia.
L-informazzjoni ġdida li ġiet żvelata tindika illi fl-istess ġurnata ta’ din il-famuża laqgħa Michael Farrugia bagħat ittra lill-Kap Ezekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar fejn ta l-ordni biex l-Imrieħel ikun kunsidrat bħala żona adatta għal bini ogħli. Sitt xhur wara, il-kumpanija ta’ Yorgen Fenech kienet tefghet appikazzjoni tagħhom għall-permess.

Din l-Ittra ġiet ippublikata aktar kmieni din il-ġimgħa mill-ġurnal Times of Malta fejn sar magħruf li Farrugia informa lill-Kap Eżekuttiv li, “L-Imrieħel għandu jiġi kkunsidrat bħala zona ideali għal bini ogħli”.
Michael Farrugia ċaħad mat-Times li qatt iltaqa’ ma’ Yorgen Fenech, madanakollu meta ħareġ fil-beraħ li ltaqa’ miegħu f’Kastilja verament saret, huwa dawwar l-istorja ….u sostna li qatt ma ddiskuta miegħu l-proġett tal-Imrieħel.

Id-dokumenti urew li fil-5 ta’ Marzu Michael Farrugia ltaqa’ ma’ Yorgen Fenech, u fi żmien ġimgħatejn l-Imrieħel żdied fil-lista taż-żoni fejn jista’ jsir bini ogħli mingħajr problema. Id-diskussjonijiet dwar iż-żoni l-oħra damu għaddejjin sitt xhur, iżda l-Imrieħel iddaħħlet mill-ewwel fil-policy li kienet approvata. Il-permess ghall-progett kien approvat f’Awwissu 2016.
“Robert Abela u Michael Farrugia għandhom jagħtu l-ispjega tagħhom”
Fil-Parlament, id-deputat Nazzjonalista David Thake sostna li l-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru Michael Farrugia għandhom jaghtu spjegazzjoni dwar din id-deċiżjoni fuq bdil fil-policy għal bini ogħli fl-Imrieħel.
Id-dokumenti żvelati mill-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia urew li Yorgen Fenech kellu tal-inqas 26 laqgħa fil-Berġa ta’ Kastilja bejn is-16 ta’ Ottubru 2013 u l-24 ta’ Marzu 2017.
