Attakk ieħor fuq il-ħaddiema u min iħaddem
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru tal-Familja Michael Falzon qabbel is-sitwazzjoni tas-sensji mal-fatt li hu qatt ma jista’ jkollu Ferrari, u saħaq li kulħadd jara l-biċċa tiegħu.
Quddiem l-islogan “Nieħdu ħsieb illum u għada”, il-Ministru Michael Falzon attakka lil min iħaddem u lil ħaddiema…billi xeħet f’keffa waħda lil kulħadd, u saħaq li jsibha diffiċli jifhem kif ċertu nies wara 7 snin ta’ ekonomija tajba spiċċaw ser ifallu f’qasir żmien.

Dan m’huwiex l-unika attakk minn esponenti Laburisti fil-konfront ta’ min iħaddem. Fil-bidu tal-pandemija, fuq il-midja tal-Partit Laburista, Manwel Cuschieri kien attakka lil dawn in-negozji li kienu qed jappellaw għall-għajnuna tal-Gvern.
Filwaqt illi sostna li m’hemm xejn milli jżomm lill-Gvern milli jolqot aktar nies, il-Ministru Michael Falzon stqarr illi qed isiru aktar talbiet milli hemm mezzi – fi kliem sempliċi, il-Gvern tas-surplus m’għandux flus għal kulħadd.
Mistoqsi minn Net News dwar jekk il-Gvern hux ser jisma’ mit-talbiet li qed isirulu minn diversi unions biex iraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, il-Ministru baqa’ ma wegibx.
Dan meta l-prezz taz-zejt, fl-aħħar jiem, krolla fix-xejn.
