Il-linja tal-ajru fi kriżi ta’ sensji u l-Ministru jinjorahom
Wara li l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri, il-membru fil-Kabinett li għandu taħt ir-responsabbiltà tiegħu l-portafoll tal-Air Malta, saħaq li xi ħadd kien qed jiprova jagħmel hijack mill-linja tal-ajru nazzjonali – kompla jinjora l-karba tal-għexieren ta’ ħaddiema li ser jitilfu l-impjieg tagħhom minn mal-kumpanija.
Waqt intervista fuq il-programm Indepth, Silvio Schembri injora għal kollox il-fatt li numru ta’ ħaddiema mal-Air Malta spiċċaw qiegħda wara li ma ġġeddidilhomx il-kuntratt kif ukoll injora l-fatt li mat-80% tal-bdoti tal-linja tal-ajru nazzjonali ser jispiċċaw bla xogħol, b’uħud ilhom jaħdmu b’responsabbiltà u dedikazzjoni għal numru kbir ta’ snin.

L-unika aċċenn li għamel il-Ministru għal dawn il-ħaddiema huwa meta sostna li l-ftehim li sar mal-bdoti u membri tal-cabin crew kien wieħed fuq bażi ta’ garanziji li naqsu l-effiċjenza ekonomika tal-linja tal-ajru biex b’hekk l-Air Malta ma kellhiex il-kapaċità tagħmel tnaqqis fl-ispiża.
Fid-dawl li l-Gżejjer Maltin qed iħabbtu wiċċhom ma’ din il-kriżi pandemika bla ebda preċedent, Silvio Schembri ma kellux ħin jispjega s-sitwazzjoni dwar il-kriżi tas-sensji fi ħdan l-Air Malta iżda kellu l-ħin jinħela f’attakki u diskorsi partiġġjani.
