Lokali

Il-PN jipproponi bonus ta’ €50 biex jintefqu fi stabbilimenti tal-catering, xorb u divertiment f’Malta u Għawdex

L-Oppożizzjoni qed tipproponi li l-Gvern jagħti lil kull ċittadin Malti ‘l fuq minn 16-il sena bonus ta’ €50 f’forma ta’ voucher li jissarraf f’servizz ta’ ikel u xorb mill-istabilimenti liċenzjati f’Malta u Għawdex. Dan il-voucher ghandu jkollu limitu ta’ żmien ta’ mhux aktar mill-ewwel xahrejn minn meta jinfetħu l-istabbilimenti f’pajjiżna.

Din hi miżura li tiswa ftit aktar minn €17-il miljun li minnhom il-Gvern jerġa’ jieħu lura aktar minn €3 miljun f’VAT.

Dan spjegah il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Industrija tal-Catering u Divertiment, Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika, Hermann Schiavone fejn sostna li l-industrija tal-catering, xorb u divertiment f’pajjiżna hija fost l-aktar industriji milquta ħażin waqt il-pandemija tal-COVID-19.

“Din hija industrija importanti f’pajjiżna u li tħaddem eluf ta’ ħaddiema u sors ta’ għixien għal eluf ta’ self employed żgħar. Huwa evidenti li almenu sas-sajf li ġej din l-industrija mhix se tirkupra mid-daqqa li qalgħet”.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Gvern ghandu jara li dan is-settur ma jaqax lura b’tali mod li ma jirkuprax fis-snin li ġejjien.

Għaldaqstant l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qegħda tappella lill-Gvern sabiex jinvesti f’dan s-settur billi jagħti injezzjoni ta’ fondi sabiex dan is-settur malajr kemm jista’ jkun jerġa’ jqum fuq saqajh. Għal ħafna snin l-istabbilimenti tal-ikel, xorb u divertiment ikkontribwixxew bil-kbir għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Issa huwa l-mument li l-Gvern jinvesti fihom.