Internazzjonali

Is-Sirja proċessata dwar reati kontra l-bniedem

Żewġ irġiel akkużati b’li wettqu reati kontra l-umanità għan-nom tas-Sirja bdew għaddejjin ġuri fil-Ġermanja.F’din is-sitwazzjoni, is-Sirja qed tkun ipproċessata bħala Stat u jidher li dan hu l-ewwel każ fid-dinja fejn qed ikun investigat l-użu ta’ tortura taħt it-tmexxija tal-President Sirjan, Bashar al-Assad.

Iż-żewġ imputati – identifikati bħala Anwar R u Eyad A – allegatament kienu uffiċjali mas-servizzi sigrieti tas-Sirja. Huma kienu ħarbu mis-Sirja waqt l-eqqel tal-gwerra ċivili u applikaw għall-kenn politiku fil-Ġermanja – fejn spiċċaw arrestati fl-2019.

L-avukati li qed jirrappreżentaw liż-żewġ irġiel irrifjutaw li jkellmu lill-ġurnalisti qabel fetaħ il-proċess fil-belt ta’ Koblenz. Dan meta l-President Assad u l-Gvern Sirjan dejjem ċaħdu għall-użu ta’ tortura bħala ‘strument tal-Istat’.

Madankollu, rapport imħejji f’Marzu tal-2018 mill-esperti tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tad-drittijiet umani qal li l-Gvern ta’ Assad kien qed iżomm taħt arrest lil għexieren ta’ eluf ta’ nies ‘li anki spiċċaw suġġetti għal diversi forom ta’ tortura brutali’.