L-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-permess tal-bini ta’ business tower ta’ 15-il sular fil-lokalità ta’ Ta’ Xbiex – bl-unika vot kontra jkun dak tar-rappreżentat ta’ NGO Annick Bonello.
Il-proġett ser ikun qed jinkludi wkoll parkeġġ ta’ ħames sulari taħt l-art fejn huwa ppjanat li jkun hemm mal-131 spazju ta’ parkeġġ. Dan is-sit huwa propost li jkopri ftit inqas minn 840 metru kwadrat fi Triq Testaferrata, Triq Enrico Mizzi u Triq Emmanuel Galizia.
Minkejja li għal bidu l-applikazzjoni ġiet irrakkomandata li tiġi rifjutata mill-case officer, minħabba li l-ogħli tal-parkeġġi taħt l-art kienu 30 centimetru nqas milli tirrikjedi l-liġi, l-bord tal-ippjanar iddeċieda li japprova l-permess xorta waħda.
Ingħad li dan it-torri ser ikun qed “jikkumplimenta l-veduta” flimkien ma’ diversi proġetti oħra fosthom it-torri ta’ 33 sular fiz-zona – proġett li għadu ma mmaterjalizzax ruħu 5 snin wara li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat mar iqiegħed l-ewwel ġebla. Dan filwaqt li intqal ukoll li l-bini ta’ dan it-torri ser ikun qiegħed saħansitra jsebbaħ lill-akwata.
Madanakollu l-unika persuna li vvotat kontra spjegat li dan ser ikun torri kummerċjali qalb zona residenzjali u ser ikun qed jolqot negattivament il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Mill-banda l-oħra rapreżentanta tal-Kunsill Lokali saħqet li dan il-bini ser ikun vantaġġ għar-residenti wara li ftit taż-żmien ilu din l-akwata kienet rinomata għat-tlajjar u l-prostituzzjoni.
//= $special ?>