Internazzjonali

L-Istati tal-UE jindirizzaw l-impatt tal-coronavirus huma u jħejju fond tal-bailout simili għal tal-kriżi finanzjarja tal-2008

Il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, fil-preżent, għaddejjin b’video summit kruċjali – ir-raba’ tal-Unjoni Ewropea dwar il-coronavirus – biex jaraw kif jindirizzaw l-aħjar l-impatt tiegħu għall-ħajja taċ-ċittadini fil-kontinent.

Il-mexxejja tal-UE mistennija jwittu t-triq għal fond ġdid ta’ emerġenza – ekwivalenti għal $540 biljuni għall-protezzjoni tal-ħaddiema u n-negozji tal-Ewropa li ntlaqtu l-agħar mill-pandemija. Madankollu, għadna qed nistennew li d-dettalji jkunu finalizzati.

Intant, l-indikazzjonijiet huma li l-540 biljun ewro jistgħu, ‘il quddiem, jinħarġu permezz tal-istituzzjonijiet tal-UE li jeżistu diġà u li jinkludu l-European Stability Mechanism (ESM) – il-fond tal-bailout ewlieni li kien twaqqaf fi żmien tal-kriżi finanzjarja tal-2008.

Il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, kien qal lill-mexxejja Ewropej, qabel is-summit, li huma għandhom ‘jaħsbu’ biex jibdew jiċċirkulaw il-fondi ta’ emerġenza sal-bidu ta’ Ġunju. L-Italja u Stati oħra jridu li l-UE tgħin permezz ta’ grants għall-għajnuna u mhux bis-self – waqt li qalu li l-iskala tal-kriżi hi tant li se jinħtieġu mal-1.5 triljun ewro biex jittaffa l-impatt.

L-Italja, li tinsab fl-epiċentru tal-pandemija ( fl-Ewropa), ilha tinsisti biex l-Istati l-oħra tal-Unjoni jiggarantixxu self fuq bażi komuni — bil-Ġermanja, l-Olanda u l-Awstrija, fl-aħħar ġimgħat, jopponu għal dan il-piż fuq livell kollettiv u fil-forma ta’ hekk-imsejħa ‘coronabonds’

Taħt il-liġijiet tal-UE, pajjiż-membru ma jistax ikun imġiegħel jagħmel tajjeb għad-dejn ta’ pajjiż-membru ieħor – iżda ħafna Taljani, fl-aħħar jiem, esprimew dispjaċir ‘għaliex ħassewhom ittraduti mill-UE’ waqt din il-kriżi storika.

Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, qed jappoġġja lill-Italja u lil Spanja f’din il-kriżi u wissa li l-firxa tal-Covid-19 qed thedded l-eżistenza tal-UE.

Il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel, aktar kmieni llum, qalet lill-Parlament f’Berlin li l-Ewropa se jkollha ‘tgħix’ mal-Covid-19 għal ħafna żmien waqt li fissret il-virus bħala ‘l-akbar sfida għall-Ewropa mit-Tieni Gwerra….Sfida li qed iħalli impatt dirett fuq il-ħajja u s-saħħa taċ-ċittadini.’

Merkel sostniet ukoll li l-Ġermanja għandha tkun lesta biex tagħti kontribuzzjonijiet ħafna ogħla lill-UE — u li l-fondi addizzjonali għall-baġit tal-Unjoni għandhom ikunu provduti ‘fi spirtu ta’ solidarjetà’, għal żmien limitat.