Malta ma tistax titħalla waħedha u żmien l-iskużi spiċċa. Bl-isfida umanitarja li ġġib magħha l-immigrazzjoni irregolari, il-Maltin huma inkwetati u bir-raġun għax bħala pajjiż, għamilna u għadna qed nagħmlu l-parti tagħna. U bir-riżorsi tagħna diġà taħt pressjoni minħabba l-imxija tal-Coronavirus, il-pajjiżi Ewropej l-oħra għandhom jaġixxu issa qabel ma jkun tard wisq.
Dan kien l-appell tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt is-Summit għall-Mexxejja tal-Partit Popolari Ewropew, li ddiskuta fost l-oħrajn it-talba ta’ Adrian Delia biex l-Unjoni Ewropea tagħti prijorità lill-isfida tal-immigrazzjoni irregolari.
Is-Summit iddiskuta wkoll l-isfidi marbuta mal-Coronavirus, bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif f’pajjiżna, l-Oppożizzjoni qed tagħti l-appoġġ kollu tagħha lill-Awtoritajiet Maltin tas-Saħħa.
Spjega kif il-Partit immexxi minnu ressaq ukoll numru kbir ta’ proposti għat-tisħiħ tal-ekonomija lokali, b’uħud minn dawn twettqu mill-Gvern. Madankollu, għad hemm il-ħtieġa ta’ aktar sostenn finanzjarju u ekonomiku għall-eluf ta’ ħaddiema u self-employed milquta.
Meta tratta l-istadju li jkun imiss ladarba tintemm din l-imxija, Adrian Delia enfasizza fuq erba’ punti prinċipali: is-sopravivenza, is-solidarjetà, is-sovranità u s-sostenibbiltà.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna l-ħtieġa li bħala Unjoni Ewropea, ikollna l-viżjoni dwar l-ekonomija u r-realtajiet ġodda wara l-pandemija biex ikunu salvati l-impjiegi u jinħolqu oqsma ekonomiċi ġodda.
Hu esprima wkoll solidarjetà mal-pajjiżi Ewropej l-oħrajn, għalkemm saħaq li jenħtieġ tintwera solidarjetà wkoll ma’ pajjiżi bħal Malta li, minħabba d-daqs u l-pożizzjoni ġeografika tagħhom, qed iħabbtu wiċċhom mal-isfida tal-immigrazzjoni.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wera t-tħassib tiegħu dwar l-aġir perikoluż ta’ xi Gvernijiet Ewropej li, bl-iskuża tal-kriżi preżenti, qed jaħtfu taħt idejhom l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżhom u jgħaddu romblu minn fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tagħhom.
Adrian Delia rrefera wkoll għat-tibdil fil-klima kkawżata minn din il-pandemija u kif din tista’ timpatta lid-dinja u lill-komunitajiet tagħna. Fl-istess waqt, intqal li dan hu żmien ta’ għaqwda fost l-Istati Membri, aktar minn qatt qabel, anke billi jsir baġit tal-Unjoni ġdid u akbar biex isostni l-ekonomiji Ewropej.
