Sport Waterpolo

MINUTA MILL-PASSAT: Il-battalja fil-pixxina bejn l-Ungerija u l-Unjoni Sovjetika fl-1956

6 ta’ Diċembru 1956. Olimpjadi tal-Awstralja f’Melbourne. Semifinali tal-waterpolo bejn l-Ungerija u l-Unjoni Sovjetika, deskritta minn ħafna bħala l-aktar logħba vjolenti fl-istorja ta’ dan l-isport.

Il-kuntest tal-logħba kien partikolari, hekk kif ftit ġimgħat biss qabel, it-truppi u t-tankijiet Sovjetiċi daħlu fil-kapitali Ungeriża Budapest, u waqqfu l-protesti li kienu għaddejjin kontrihom. Mijiet ta’ Ungeriżi nqatlu u eluf oħra ġew arrestati. Il-plejers Ungeriżi saru jafu l-aħbar mal-wasla tagħhom fl-Awstralja u rebħu l-ewwel logħbiet tagħhom faċilment. Is-semifinali kontra s-Sovjetiċi kienet aggressiva u mimlija daqqiet miż-żewġ naħat.

Il-pjan tal-Ungeriżi kien faċli. Iġiegħlu lill-avversarji biex jirrabjaw u jiġġieldu u b’hekk ma jilagħbux tajjeb. Jekk iseħħ hekk, huma emmnu li setgħu jirbħulhom. Sar-raba’ sessjoni, l-Ungerija kienet 4-0 minn fuq. Ervin Zador spikka b’doppjetta iżda bi ftit minuti għat-tmiem, sofra daqqa f’għajnejh minn Valentin Prokopov.

Kif ħareġ mill-pixxina, kien evidenti d-demm nieżel minn rasu. Dan wassal għal inċidenti mill-uffiċjali u spettaturi Ungeriżi li qabżu l-barrikati u marru jikkonfrontaw lit-tim Russu. Il-pulizija Awstraljana kellha teskortahom ‘l barra mill-pixxina.