Sensiela ta’ nirien ħallew ħerba sħiħa fil-Park Nazzjonali ta’ Biebrza, fl-inħawi ta’ Wrocen — bl-awtoritajiet Pollakki qed jenfasizzaw il-probabbiltà li l-inċident ikkaġunawh il-bdiewa huma u jaħarqu l-ħaxix ‘illegalment’.
In-nirien qabdu f’zona li tkopri għaxra fil-mija tal-artijiet tal-park, b’mijiet ta’ membri tal-iskwadri għall-emerġenzi jagħmlu li jistgħu biex iġibu s-sitwazzjoni taħt kontroll.
Il-Ministeru Pollakk għall-Ambjent, intant, qed jaġġorna ruħu il-ħin kollu mal-aħħar żviluppi. Dan meta s-sitwazzjoni mistennija taqleb għall-agħar minħabba li l-Polonja għaddejja mill-agħar perjodu ta’ nixfa għal sekli.
Kelliema għall-awtoritajiet qablu li n-nirien qed jidhru dovuti għal ‘aġir irresponsabbli u stupidu’. Dan meta jidhru kważi negliġibbli l-possibbiltajiet li l-inċident seta’ kien dovut għal elementi tas-sħana jew kawżi naturali oħra.
Sadanittant, hu impossibbli li wieħed jikkalkula l-ħsarat lill-park u bl-awtoritajiet ma jeskludux li kapaċi jdumu ‘ġimgħat sħaħ’ jikkumbattu n-nirien.
Il-Park Nazzjonali ta’ Biebrza jinsab lejn il-grigal tal-Polonja, viċin il-fruntiera mal-Belarus waqt li hu magħruf għall-wetlands fejn jgħammru diversi speċi ta’ għasafar u annimali slavaġ.
//= $special ?>