Lokali

Raġel isofri ġrieħi gravi waqt argument f’Marsaxlokk

Raġel ta’ 35 sena residenti San Ġwann qed isofri minn ġrieħi gravi wara li kien involut f’argument f’Marsaxlokk.

Kien għall-ħabta tal-11.20p.m. tal-bieraħ li l-Pulizija kienet infurmata li kien hemm raġel mixħut mal-art u mimli dmija ħdejn il-Kappella tas-Silġ. Minn stħarriġ preliminari irriżulta li r-raġel kien qiegħed ma’ persuna oħra meta għal xi raġuni, qam argument bejniethom u r-raġel kien attakkat b’xafra u sofra feriti f’wiċċu.

L-aggressur imbagħad seraqlu basket u wara ħarab minn fuq il-post. Mill-informazzjoni mogħtija mill-vittma, il-Pulizija irnexxielha ssib u tarresta lill-persuna involuta, raġel Libjan ta’ 30 sena residenti Ħal Tarxien.

Għalkemm ir-raġel kien ċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi, infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima. L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.