Futbol Sport

Żewġ rebħiet għal Team Malta kontra l-Portugall u Spanja f’tournament tal-eSports

L-Erbgħa filgħaxija, Team Malta permezz ta’ Christian Spiteri u Dunstan Vella rebħu l-logħbiet tagħhom kontra l-Portugall u Spanja. Dawn il-logħbiet ta’ ħbiberija huma parti mit-tournament FIFA eNations Stay and Play. Dan it-tournament kellu jkun wieħed uffiċjali iżda l-FIFA rtirat fl-aħħar minuta minħabba kwistjonijiet tekniċi. L-Assoċjazzjonijiet Membri xorta ħadu l-inizjattiva li jorganizzaw it-tournament bejniethom. Kull tim għandu plejer tal-eFootball u plejer tat-tim nazzjonali jew ċelebrità tal-pajjiż.

Fl-ewwel logħba, Spiteri għeleb lil Diogo Mendes 5-1 filwaqt li l-midfielder ta’ Hibernians u Malta Dunstan Vella rebaħ 5-3 kontra l-plejers ta’ Wolves u l-Portugall Diogo Jota 5-3. B’hekk Malta rebħet b’total ta’ 10-4 kontra l-Portugiżi. Il-koppja Maltija rebħet ukoll kontra Spanja iżda f’logħbiet aktar missielta. Spiteri spiċċa fi draw ta’ 2-2 kontra Jamie ‘Gravesen Alvarez u Vella rebaħ 1-0 kontra l-gamer Spanjol Dj Mariio 1-0 għal total ta’ 3-2.

B’din ir-rebħa, Team Malta rebaħ il-grupp bi tliet rebħiet minn tliet logħbiet wara li l-Italja li kienet fl-istess grupp, irtirat mit-tournament. Mal-aħħar tmienja, Malta tilgħab kontra Wales u f’każ ta’ rebħa t-tim Malti jilgħab kontra r-rebbieħ bejn l-Iżrael u l-Għarabja Sawdija.

B’kollox kellu jkun hemm 28 tim parteċipant maqsuma fi tmien gruppi iżda l-Italja, l-Eġittu, l-Irlanda ta’ Fuq u l-Ingilterra rtiraw qabel il-bidu tat-tournament. Biex ikun hemm rebbieħ f’konfront iridu jiġu magħduda r-riżultati taż-żewġ membri tat-tim. Jingħataw tliet punti għal rebħa u punt għal draw. Minħabba li t-tim Malti ma jinsabx fil-logħba, it-tim Malti lagħab il-logħob bit-tim ta’ Liverpool, iżda biex il-logħob ikun bilanċjat, intużat il-kwalità overall tat-tim ta’ 85.

Il-logħbiet kollha xxandru b’mod dirett fuq https://www.fifa.gg/enations-friendlies.