Ambjent Lokali

Żvilupp ta’ torri ta’ 13-il sular f’Ħal Qormi jinżel għal 5 sulari

L-Awtorità tal-Ippjanar tapprova l-iskavar tal-ewwel fażi tal-proġett li jikkonsisti f'parkeġġ ta' żewġ sulari taħt l-art

Minkejja li t-tieni fażi tal-iżvilupp għadu mhuwiex aċċessibbli għall-pubbliku u allura mhux magħruf x’wieħed jistenna mill-proġett komplut, l-Awtorità tal-Ippjanar approvat l-iskavar tal-ewwel fażi ta’ proġett ta’ żvilupp f’Ħal Qormi, li jikkonsisti f’parkeġġ ta’ żewġ sulari taħt l-art.

Dan is-sit ta’ 3,800 metru kwadru, li sal-lum kienet għalqa mhux mittiefsa flimkien ma’ binja għall-użu tal-biedja, jinsab biswit ir-roundabout fid-daħla ta’ Ħal Qormi, meta wieħed ikun ġej mill-bypass tal-Ħamrun u l-Marsa.

Inizjalment, l-iżviluppatur Għawdxi, Joseph Portelli, kien se jtella’ torri ta’ 13-il sular iżda fl-aħħar ħinijiet, anki biex l-ewwel fażi proġett jiġi approvat, ressaq pjanti ġodda għat-tieni fażi tal-proġett li fih se jnaqqas l-iżvilupp għal wieħed ta’ 5 sulari. Minkejja dan, Portelli m’għadux obbligat li jħalli nofs iż-żona tal-iżvilupp bħala spazju miftuħ, kif tistipula l-liġi li tirregola l-binjiet għoljin.

L-approvazzjoni tal-ewwel fażi tal-proġett, li saret fuq parir tal-Kummissjoni tal-Ippjanar fi ħdan l-istess Awtorità, tista’ toħloq preċedent fuq proġetti oħra massiċċi, bħal dik fuq l-art tal-ITS f’Pembroke, li ukoll applikaw għall-iskavar tas-sit separatament.

Minħabba f’hekk, kien hemm erba’ membri tal-bord, fosthom is-Sindku Laburista ta’ Ħal Qormi, Renald Falzon, li vvutaw kontra l-proġett minħabba li l-mod sparpaljat ta’ kif l-iżviluppatur qiegħed japplika għall-permessi tal-proġett tiegħu qed iħalli lill-pubbliku fil-għama dwar x’se jkun jikkonsisti l-proġett ħolistikament.

Il-perit, Tara Cassar, minn Din l-Art Ħelwa, saħħqet li l-proġett kellu jiġi approvat f’daqqa u mhux sparpaljat meta d-dokumenti tal-proġett kollu fuq il-website tal-Awtorità huma nieqsa. Ir-rappreżentant tal-NGOs fuq il-bord, Annick Bonello, wera t-tħassib tiegħu ukoll li hekk, ma hemmx garanzija li l-iżviluppatur ma jerġax jibdel il-pjanijiet tiegħu biex jżid l-għoli tal-binja proposta.

L-iskavar approvat se jneħħi il-ħajt tas-sejjieħ u s-siġar fil-post biex jospita parkeġġ ta’ 84 karozza kif ukoll 12-il mutur. Minkejja dan, il-binja li tinsab fil-kantuniera bejn Triq il-Belt Valletta u Triq l-Erba’ Qaddisin kif ukoll il-ġibjun biswitu se jinżammu u jiġu rrestawrati.

Il-Kunsill Lokali Qormi oġġezzjoni minħabba l-impatt viżwali u ż-żieda ta’ traffiku fiż-żona li kien se joħloq it-torri prospost inizjalment ta’ 13-il sular ukoll.